Wednesday, September 25, 2024

Raġel arrestat b’rabta ma’ traffikar tad-droga f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena kien arrestat f’San Ġiljan b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga kokaina u kannabis.

Ilbieraħ, għall-ħabta tad-9.30pm, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq San Ġorġ, innutaw raġel jaġixxi b’mod suspettuż, ifittex qalb xi ħaxix li hemm biswit żona ta’ parkeġġ. Wara li rawh jiġbor xi oġġetti u jagħmilhom taħt il-flokk, l-uffiċjali resqu viċin tiegħu, bir-raġel jinħasad bil-preżenza tagħhom u beda jġib ruħu b’mod li qajjem aktar suspetti.

Minnufih saret tfittxija fuq ir-raġel, fejn f’borża sewda nstabu 38 pakkett bi droga suspettata kokaina, f’ċirkostanzi li kienet lesta biex tinbiegħ. Saret ukoll tfittxija fil-ħaxix fejn ir-raġel deher jiġbor xi affarijiet, bil-Pulizija televa numru żgħir ta’ pakketti bi droga suspettata kannabis. Iktar tard saret tfittxija fir-residenza tar-raġel u hemmhekk instab ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra relatati mal-bejgħ tad-droga.

Huwa qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport