Saturday, May 4, 2024

Raġel b’fedina penali ta’ 28 faċċata kkundannat tliet snin ħabs fuq serq

Aqra wkoll

Raġel li għandu fedina penali twila 28 faċċata fuq żewġ naħat, bl-ewwel kundanna tmur lura fl-1993, kien ikkundannat tliet snin priġunerija b’rabta ma’ diversi serqiet li seħħew fl-2008. 

Anthony Abela ta’ 52 sena wieġeb ħati li seraq żewġ vetturi, tmien ċilindri tal-gass u oġġetti oħra kif ukoll li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. Huwa ammetta wkoll li seraq pjanċi ta’ vettura oħra, li saq vettura mingħajr liċenzja u li kien riċediv.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rat li l-imputat kien irreġistrat ammissjoni għall-akkużi miġjuba kontrih fl-24 ta’ Jannar 2011 u dakinhar kien ikkudannat sitt xhur ħabs.

L-Avukat Ġenerali kien ressaq appell minn din is-sentenza u f’Ottubru tal-istess sena, il-Qorti tal-Appell Kriminali annullat is-sentenza u ordnat lir-Reġistratur sabiex jibgħat l-atti lura lil din il-Qorti sabiex tiddeċiedi l-każ skont il-liġi. 

Peress li għal diversi seduta ma kien sar xejn għal raġuni jew oħra f’dawn il-proċeduri, f’seduta li saret f’Marzu tal-2014, il-Qorti ddifferiet il-kawża sine die. 

B’rikors tal-15 t’April 2021, l-Uffiċjal Prosekutur talbet lill-Qorti sabiex terġa’ ssejjaħ il-kawża sabiex tkun tista’ titkompla. Il-Qorti laqgħet din it-talba b’digriet tad-29 ta’ Settembru 2021. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġstrat Farrugia qieset l-ammissjoni ta’ Abela u rat ukoll il-pre sentencing report li sar fil-konfront tiegħu li juri li huwa kien residenti l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin xejn inqas minn 21 darba. 

Barra minn hekk, intqal li l-imputat ma kienx ikkopera waqt li kien qed jiġi kkumpilat dan ir-rapport. Jirriżulta li Abela għandu problema ta’ abbuż ta’ sustanzi illeċiti li ilha snin twal u li ma għandu l-ebda motivazzjoni sabiex jirriforma ruħu.

“Din il-Qorti ma tarax għalxiex għandha timponi kundizzjoni li l-imputat jkun ordnat isegwi programm għaliex temmen li sabiex dan il-programm ikun suċċess għandha tkun triq li jagħżel hu b’mod volontarju u determinat,” tenniet il-Maġistrat Farrugia. 

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontrih, ikkundannatu għal piena ta’ tliet snin priġunerija li minnha għandu jitnaqqas kull żmien li għamel il-ħabs b’rabta ma’ dawn il-proċeduri biss.

Barra minn hekk, Abela ġie skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien 12-il xahar. 

Sport