Friday, April 19, 2024

Raġel ieħor fil-Qorti b’rabta ma’ ħtif falz

Aqra wkoll

Raġel li għadu kemm ħareġ mill-Isptar tressaq il-Qorti b’rabta mal-attentat riċenti ta’ estorsjoni ta’ flus permezz ta’ ħtif falz.

Glenn Busuttil ta’ 44 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ffabbrika l-evidenza, kiser l-ordni ta’ trattament imposta fuqu mill-Qorti u li sar reċediv. 

L-Ispettur Stephen Gulia spjega fil-Qorti kif id-Direttur Spiritwali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien għamel kuntatt mal-pulizija wara li kellmu Mohammed Tahmasebi Ghareb Shiran, li allega mal-qassis li kien inħataf.

Madwar 50 pulizija kienu involuti fit-tfittxija li damet għaddejja 24 siegħa. Eventwalment sabu r-raġel “maħtuf” f’appartament fil-Gżira proprjetà ta’ Jonathan Abela li aktar tard tressaq il-Qorti flimkien ma’ Sarah Zammit għall-allegat sehem tagħhom fil-ħtif falz.

Intqal li l-Pulizija skoprew li kienu qed jużaw id-droga flimkien fl-appartament meta ġiethom l-idea li jivvintaw storja dwar ħtif. 

Il-ġimgħa li għaddiet, Shiran ta’ 26 sena, ntbagħat disa’ xhur ħabs wara li ammetta li vvinta din l-istorja f’attentat biex iġib flus għad-droga. 

Waqt dik il-kawża, fil-Qorti kien intqal li r-raba’ persuna kienet se titressaq il-Qorti wara li tkun rilaxxata mill-isptar. Ir-raba’ persuna, Busuttil, tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Huwa ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, bl-Avukat tiegħu Ishmael Psaila jitlob lill-maġistrat tordna li l-awtoritajiet tal-ħabs jaraw li l-imputat jingħata l-assistenza medika kollha li jeħtieġ. Il-Qorti, wara li nnutat li l-imputat kien qed jirkupra minn operazzjoni laqgħet din it-talba.

Sport