Tuesday, April 30, 2024

In-NASA tibgħat fl-ispazju l-akbar u l-aktar teleskopju b’saħħtu fl-Istorja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, proprju f’jum il-Milied, in-NASA bagħtet fl-ispazju t-teleskopju “James Webb”. Din l-avventura ġdida, li kellha tkun posposta għal diversi snin, hija waħda eċċitanti ħafna għax-xjenzati u dawk kollha kurjużi dwar il-misteri tal-univers minħabba li dan it-teleskopju huwa l-akbar u l-aktar wieħed b’saħħtu li qatt kellna u għaldaqstant mistenni jagħtina informazzjoni importanti ferm.

Wara intoppi bħal maltemp, il-pandemija u sitwazzjonijiet oħra li xekklu dan il-proġett spazzjali, il-James Webb Telescope ħalla d-dinja u mistenni li jivvjaġġa aktar minn miljun mil f’perjodu ta’ 29 ġurnata fl-orbitu tax-xemx. Hawnhekk huwa ttamat li jqatta’ bejn ħames u 10 snin idur max-xemx biex jistudja l-ħolqien tas-sistema solari tagħna mill-perjodu tal-“Big Bang” sal-ġurnata tal-lum.

In-NASA qiegħda tqis dan il-proġett bħala bidu ta’ era ġdida ta’ astronomija għax temmen li se jiksbu informazzjoni importanti ħafna minn dan il-proġett li sewa xejn inqas minn €8.8 biljuni. Imsemmi wara l-kap tan-NASA, James Webb li fis-snin 60 għen biex jibda l-proġett Apollo, dan it-teleskopj beda jinħadem fl-1996 u tlesta fl-2016.

Grazzi għat-teknoloġija infra-aħmar li huwa mgħammar biha, dan it-teleskopju se jkun jista’ jara diversi oġġetti fl-ispazju li ma jistgħux ikunu osservati bla apparat apposta fid-dinja, fosthom stilel, nebulae u pjaneti. 

“Qegħdin nittamaw li naraw id-dawl tal-ewwel galassji li fformaw madwar 100,000 u 200,000 miljun sena qabel ma seħħet il-Big Bang,” spjega l-uffiċjal tan-NASA, Bill Nelson. 

Huwa qal li dan il-proġett se jipprovdi tagħrif xjentifiku tal-aqwa livell u li grazzi għat-teknoloġija li qiegħda tkun użata, issa se jkunu jistgħu jistudjaw l-Istorja tal-kożmos li tmur lura 13.5 biljun sena.

Sport