Sunday, November 24, 2024

Raġel ieħor jitressaq il-Qorti fuq droga wara r-rejd fil-Marsa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 52 sena mill-Gżira ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli b’akkużi dwar droga.

Joseph Borg kien arrestat waqt rejd li sar mill-pulizija l-Erbgħa li għadda f’remissa fi Sqaq il-Ġerrejja fil-Marsa fejn instabu pakketti bil-kannabis sintetika lesti biex jinbiegħu, apparat għat-traffikar tad-droga u ammont ta’ flus kontanti.

Fil-jiem li għaddew kien tressaq persuna oħra b’rabta ma’ dan il-każ – John Junior Pace – li wieġeb mhux ħati tal-akkużi u nżamm arrestat. Min-naħa l-oħra, il-Pulizija ħadet aktar żmien biex tressaq lil Borg minħabba li kellu bżonn jingħata l-kura.

Borg kien mixli bil-pussess tad-droga sintetika, li kellu d-droga kokaina, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ kif ukoll li allegatament kiser tliet digrieti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każijiet oħra.

Huwa wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Filwaqt li l-prosekuturi oġġezzjonaw għal din it-talba, l-avukati difensuri ta’ Borg argumentaw li huwa dejjem irrispetta l-kundizzjonijiet tal-pleġġ meta kien arrestat u akkużat f’każi oħra li jmorru lura għall-2017.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,500. Huwa kien ordnat ukoll sabiex jiffirma l-għassa kuljum.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa u Mark Cremona.

L-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran dehru għal Borg.

Sport