Wednesday, April 15, 2026

Raġel jinżamm arrestat wara li allegatament ħataf u seraq lil persuni li kien jiltaqa’ magħhom online

Huwa kien jiltaqa’ ma’ dawn il-persuni fuq is-sit Grindr

Aqra wkoll

Raġel ta’ 25 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie akkużat b’numru ta’ reati, fosthom li kkawża ġrieħi gravi, ħtif, serq aggravat u li weġġa’ żewġ uffiċjali tal-pulizija.

Huwa allegatament kien iħajjar il-vittmi permezz tas-sit Grindr biex jiltaqa’ magħhom, u mbagħad jattakkahom u jisirqilhom flushom.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Nathan Magri, li qal li m’għandux impjieg, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-każ jmur lura għall-1 ta’ Jannar 2026, għall-ħabta tal-5.30am, meta l-pulizija sabu vittma minnhom fi stat ta’ xokk u bid-demm ħiereġ minn diversi partijiet ta’ ġismu qrib ir-residenza tal-akkużat. 

Aktar tard, il-vittma qal li kien iltaqa’ mal-akkużat fuq Grindr u li mar id-dar tiegħu  sabiex “jieħdu gost”. 

Wara li kellhom kuntatt sesswali, il-vittma qal li nżamm kontra r-rieda tiegħu u ġie mhedded u mġiegħel biex jħallas xi flus. 

Meta rrifjuta, l-akkużat ipprova wkoll jeħodlu l-mowbajl. 

Il-vittma rnexxielu jaħrab. Huwa qal li ra żewġ persuni oħra fid-dar.

Il-pulizija fetħu investigazzjoni u talbu wkoll informazzjoni lill-kumpanija Grindr dwar l-akkużat.

It-tieni vittma rrakkontat każ simili. 

Huwa qal li ltaqa’ mal-akkużat fuq l-istess app u mar fir-residenza, iżda beda jissuspetta li kien hemm xi ħaġa ħażina meta nnota li l-persuna li ra kienet differenti għalkollox mill-persuna li kien hemm fir-ritratti tal-profil.

Meta pprova jitlaq, allega li l-bieb ingħalaq u li ġie mhedded u attakkat.

Billi beża’ li seta’ joqtlu, qal lill-akkużat li kellu €40 fil-kont bankarju. 

Huwa ttieħed sal-ATM qrib il-knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fejn ġibed il-flus u tahom lill-akkużat, u mbagħad tħalla jitlaq.

Il-qorti semgħet ukoll kif l-akkużat irreżista  l-arrest bil-kbir.

Meta l-pulizija ppruvaw jaqbduh, huwa allegatament ħarab, tela’ fuq is-saqaf tar-residenza u qabeż għoli ta’ tliet sulari għal isfel.

Aktar tard, meta l-pulizija reġgħu marru fir-residenza tiegħu, kellhom jidħlu bil-forza u jużaw taser biex jikkontrollawh. 

Żewġ uffiċjali ġarrbu ġrieħi ħfief waqt l-arrest.

Huwa jinsab mixli wkoll li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li wettaq reati waqt perjodu ta’ probation.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia u l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martina Herrera

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport