Friday, April 19, 2024

Raġel mixli li qatel mara u lil bintha u ħeba l-katavru tagħhom f’daru fir-Renju Unit

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħalissa fil-Qorti Suprema ta’ Edinburgh qed jinstema’ l-każ ta’ raġel li jinsab mixli bil-qtil ta’ mara u bintha ta’ sentejn, kif ukoll li ħeba l-katavru tagħhom fid-dar tiegħu fi Troon Avenue.

Bennylyn Burke, omm ta’ 25 sena, flimkien ma’ bintha Jellica nstabu mejta fid-dar ta’ Andrew Innes f’Dundee, ir-Renju Unit, f’Marzu tal-2021.

L-akkużat, raġel ta’ 52 sena, apparti li huwa akkużat b’dan il-qtil qed jaffaċċja akkużi relatati ma’ stupru fuq tifla ta’ seba’ snin. Huwa ammetta li qatilhom u li ħeba l-katavru tagħhom, iżda fil-ġuri tiegħu qed iwieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ imur lura għat-18 ta’ Frar tal-2021, meta Innes wassal lil Burke bil-karozza tiegħu minn Bristol għal Dundee. Huma kien għamlu l-konoxxenza ta’ xulxin permezz ta’ dating app. Ingħad ukoll li l-akkużat ta daqqa ta’ sikkina lil Burke kif ukoll daqqiet f’rasha bil-manku tas-sikkina u b’martell.

Minn awtopsja li saret fuq il-katavru tal-mara rriżulta li hija kellha ferita f’sidirha li kienet fonda madwar 158 mm u li kienet ikkawżata minn daqqa waħda ta’ sikkina. Hija sofriet ukoll xi ġrieħi f’rasha.

Min-naħa l-oħra, iċ-ċkejkna ta’ sentejn ġiet fgata. Minn awtopsja li saret irriżulta li kien hemm pressjoni kbira fuq il-ħalq u l-għonq tat-tifla.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Alex Prentice.

L-Avukat Brian McConnachie deher għall-akkużat.

Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Lord Beckett.

Il-ġuri jkompli.

Sport