Wednesday, July 24, 2024

“Rajt tifel ta’ disa’ snin b’ferita kbira f’rasu li mbagħad miet”

Uffiċjal tan-NU żżur sptar f’Gaża u tgħid li rat “massakru totali”

Aqra wkoll

Uffiċjal tan-Nazzjonijiiet Uniti li tkellmet mal-BBC sostniet li ma kien hemm l-ebda waqfien fl-attakki mill-ajru ta’ Iżrael fuq Gaża. Hija qalet dan wara żjara li għamlet fi sptar fiċ-ċentru ta’ Gaża, fejn intqal li hemm ħafna nies midruba gravi li ma setgħux jingħataw il-kura li għandhom bżonn minħabba li l-isptar jinsab ippakkjat bin-nies.

Gemma Connell mill-aġenzija umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti ddeskriviet dak li rat fl-isptar Al-Aqsa bħala “massakru totali”. Sadanittant, il-Prim Ministru Iżraelit Benjamin Netanyahu wiegħed li se jkompli jintensifika l-ġlieda kontra l-Ħamas.

Fil-fatt, l-istess Netanyahu qal li huwa kien żar Gaża t-Tnejn filgħodu u li l-kampanja militari ta’ Iżrael f’din il-belt “ma kinitx viċin li tintemm.” Dawn il-kummenti saru ftit jiem biss wara li s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li Iżrael għandu jnaqqas l-intensità tal-attakki tegħu.

Min-naħa tagħha, Connell qalet li waqt li kienet qed iżżur Al-Aqsa, kien hemm attakki mill-ajru li laqtu ż-żoni ta’ madwar l-isptar u wara ddaħħlu pazjenti ġodda. “Rajt tifel ta’ disa’ snin b’ferita kbira f’rasu u li sfortunatament miet,” żiedet tgħid Connell. “Uħud mill-attakki saru f’żoni li n-nies qalulhom sabiex jevakwaw fihom, li għal darba oħra nasal biex ngħid li, naħseb, li ma hemm l-ebda post sigur f’Gaża.”

Ekonomija

Sport