Minn Cristian Muscat
Hemm stejjer li ma jħallukx indifferenti… u din hija waħda minnhom.
Ramona Cutajar Dalli mhix biss atleta. Hija mara, omm, mara tad-dar u negozjanta, iżda fuq kollox hija eżempju ħaj ta’ determinazzjoni li ftit li xejn naraw bħalha. Minkejja li sofriet żewġ injuries serji fl-ACL u fil-meniscus, u anke ġiet infurmata li kellha bżonn operazzjoni oħra, Ramona qatt ma ċediet.
Minflok waqfet, sabet triq oħra. Iffukat fuq il-ġiri u f’Marzu li għadda pparteċipat f’tellieqa b’risq il-CARITAS – u mhux biss ħadet sehem, imma spiċċat fuq il-podju b’ewwel post fil-kategorija tagħha.
Id-determinazzjoni tagħha kompliet tidher meta, minkejja l-injury, marret il-Polonja u pparteċipat fil-kompetizzjoni HYROX f’Diċembru. U bħal donnu dan ma kienx biżżejjed, ix-xahar li għadda ħadet sehem fil-Corsa La Vallette Marathon fuq distanza ta’ 21 kilometru.
Imma l-aktar kapitlu li jispikka wasal reċentement. Ramona rreġistrat u pparteċipat fil-maratona spettakolari tal-Lago di Garda – 42 kilometru minn Limone sa Malcesine. X’aktarx ħadd ma kien jistenna li jumejn qabel it-tellieqa spiċċat l-isptar b’attakk ta’ pancreatitis. U minkejja dan kollu, ġurnata qabel it-tellieqa ħarġet mill-isptar… u marret tiġri.
U għamlitha. Għaddiet mil-linja finali għal darb’oħra.
X’qawwa, x’determinazzjoni, x’lezzjoni għal kull wieħed u waħda minna. Meta ħafna minna nieqfu għal xi ħaġa żgħira jew injury żgħira, Ramona turina li l-limiti ħafna drabi huma biss f’moħħna.
Dan is-suċċess ma wasalx waħdu. Warajha hemm grupp sabiħ ta’ ħbieb li dejjem tawha s-sapport meħtieġ: Tyrine Busuttil, Marisa Bugeja, Marisa Vella, Fiona Bugeja, Pam Ciantar, Marisabel Mifsud, Bronja Farrugia Gouder, Natalia Bugeja u Josephine Saliba – kollha spalla ma’ spalla magħha f’kull pass.
Grazzi speċjali tmur ukoll lill-mentor u kowċ tagħha, Julian Briffa, li kien parti importanti minn din il-vjaġġ straordinarju.
Ramona mhix biss atleta. Hija ispirazzjoni – speċjalment għan-nisa u għall-atleti kollha li jiltaqgħu ma’ sfidi tul it-triq. L-istorja tagħha tfakkarna li, minkejja kollox, irridu nibqgħu mexjin… sa ma naslu sal-linja finali.

