Servizz ġdid li beda jingħata madwar xahar ilu mill-Korp tal-Pulizija f’pajjiżna huwa dak tar-Remote Reporting jew aħjar rapporti online. Proprju rigward dan, tkellimna mas-Surġent Lydon Paul Spiteri li huwaresponsabbli mit-taqsima tar-Remote Reporting fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tana iktar dettalji.
Kif sejjer l-andament tar-rapporti online?
Nista’ nikkonferma li bħala s-Surġent responsabbli mit-taqsima tar-Remote Reporting li din it-taqsima qed tirranka sew u qed tintlaqa’ b’mod tajjeb mill-pubbliku. Issa kważi ilna xahrejn u nofs minn minndu twaqqfet din it-taqsima u nista’ nikkonferma li r-rapporti li persuni qed jagħmlu online qegħdin jiżdiedu kuljum u b’ritmu mgħaġġel.
Dan qed juri biċ-ċar illi iżjed ma jgħaddi ż-żmien, qed ikompli jiżdied l-għarfien fuq din it-taqsima fejn tidher li qed tindara sew mill-pubbliku. Apparti minn hekk, il-pubbliku qed juża metodi moderni ta’ rappurtaġġ, apparti dawk tradizzjonali, dan għaliex fejn qabel persuni kienu jmorru f’għassa tal-pulizija sabiex jagħmlu rapport, issa r-rapporti tagħhom qed jagħmluhom online ukoll.
Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li l-istatistika uffiċjali, turi li sal-lum il-ġurnata kellna madwar 1,200 talba mill-pubbliku sabiex jagħmlu rapporti online, li kienu jinkludu diversi kategoriji ta’ rapporti, bħal telf ta’ propjeta’, ħsarat, frodi u cyber crime, fost oħrajn.
Kemm qed issibuhom effikaċi?
Mir-rispons li qed nieħdu mingħand il-pubbliku, jidher li din it-taqsima qed tkun ta’ effiċenzja u konvenjenza kbira. Hemm diversi vantaġġi kif elenkati mill-pubbliku stess. Il-membri tal-pubbliku jistghu jagħmlu rapporti online mill-kumdità ta’ djarhom mingħajr il-ħtieġa li jirrikorru f’għassa tal-pulizija.
Barra minn hekk, qed jiffrankaw ħafna ħin għax m’għandhomx għalfejn jinqalgħu minn ġewwa djarhom, ma jużawx trasport biex immorru f’għassa tal-pulizija, u fl-istess ħin jiffrankaw il-problemi ta’ traffiku u l-battikata għal parkeġġ.
Il-Korp tal-Pulizija qed ikompli jaddatta maż-żminijiet biex jiżgura li jkun iżjed korp flessibbli, modern u li jpoġġi t-teknoloġija fiċ-ċentru tal-operat tiegħu, permezz ta’ metodi moderni ta’ rapurtaġġ li jikkumplimentaw dawk tradizzjonali (rapporti fl-għasses) fejn fl-aħħar mill-aħħar l-għan primarju huwa li l-pubbliku jkun moqdi dejjem bl-iżjed modi effiċċjenti u professjonali.
Tajjeb ukoll illi nfakkar, li r-Remote Reporting Unit hija iżjed attrezzata għar-rapporti li mhumiex ta’ natura urgenti. Għaldaqstant, f’każijiet li jkunu jinħtieġu l-assistenza immedjata tal-pulizija bħal xi ħabta b’vetturi li jinvolvu persuni feruti, ġlied jew serq, il-pubbliku għandu dejjem juża l-metodi konvenzjonali ta’ rapurtaġġ billi jċempel fuq in-numri 112 jew 119 minħabba n-natura u l-urġenza tal-każ.
X’jista’ jagħmel biex wieħed jagħmel rapport online?
Sabiex il-pubbliku jagħmlu rapporti online, għandhom jaċċessaw il-website ufficcjali tal-Korp tal-Pulizija permezz https://pulizija.gov.mt/mt/aghmel-rapport/fejn l-istess website qiegħda disponnibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Hawnhekk, persuna jrid jimla formola bid-dettalji bażiċi u personali bħal isem u kunjom, numru tal-karta tal-identità, e-mail address, mobile number u jagħżlu data u ħin konvenjenti meta jkunu jixtiequ sabiex il-pulizija jagħmlu kuntatt magħhom. Wara li jsir il-kuntatt, isir rapport b’mod uffiċjali fejn sussegwentement jiddaħħal ir-rapport b’mod ħolistiku bil-miktub fis-sistema tal-Korp.
Il-kuntatt jista’ jsir b’diversi pjattaformi fosthom WhatsApp, Google Meet, FaceTime, Microsoft Teams, jew saħanistra anke b’telefonata normali.