Wednesday, July 24, 2024

Ravanelli jgħid li Napoli se  jbatu mingħajr Osimhen

Aqra wkoll

L-eks attakkant ta’ Juventus, Fabrizio Ravanelli, faħħar lil Victor Osimhen u sostna li se jkun diffiċli għal Napoli biex isibu sostitut għan-Niġerjan.

Osimhen kellu rwol kruċjali fis-suċċess ta’ Napoli fir-rebħ tal-Iscudetto fl-istaġun li għadda.

Il-player ta’ 25 sena skorja 26 goal fi 32 dehra fil-kampjonat biex jgħin lill-Partenopei jirbħu t-titlu għall-ewwel darba f’aktar minn tliet deċennji.

L-attakkant mistenni jħalli l-Istadium Diego Armando Maradona dan is-sajf minkejja li f’Diċembru li għadda għamel estensjoni tal-kuntratt ma’ Napoli.

Paris St-Germain, Arsenal u Chelsea, huma kollha madwar il-player, li għandu klawsola ta’ rilaxx ta’ madwar €120-€130 miljun fil-kuntratt tiegħu.

Ravanelli stqarr li Napoli se jsibuha diffiċli biex jiksbu sostitut addattat għal Osimhen jekk iħalli lill-club fi tmiem il-kampanja attwali.

“Osimhen huwa fost l-aqwa attakkanti fid-dinja. Huwa għandu feroċità inkredibbli u ma jibża‘ minn xejn. Mhux se jkun faċli għal Napoli li jimlew postu”, qal Ravanelli.

Ekonomija

Sport