Friday, April 19, 2024

Real Madrid jkomplu jiktbu l-istorja taċ-Champions League

Aqra wkoll

Real Madrid komplew għaddejjin bid-difiża tagħhom għal titlu ieħor taċ-Champions League wara li nhar l-Erbgħa ltaqgħu kontra Liverpool fit-tieni leg tal-aħħar 16 li huma rebħu bl-iskor ta’ 1-0 fi Stadio Bernabeu.

It-team ta’ Carlo Ancelotti kien jinsab 5-2 minn fuq wara l-ewwel leg f’Anfield, u huma rebħu t-tieni ukoll biex issiġillaw posthom fil-kwarti-finali tal-kompetizzjoni, u b’hekk għamluha f’10 mill-aħħar 12-il staġun.

Il-logħba tal-Erbgħa kienet it-300 waħda ta’ Real Madrid fil-kompetizzjoni, wara li ġiet rinnovata mit-Tazza tal-Ewropa fl-1995. F’dan iż-żmien, rebħuha xejn inqas tmien darbiet, bl-ewwel waħda tkun fl-istaġun 1997/98.

Ġurnal Spanjol iddettalja l-aqwa skorer ta’ Real Madrid fiċ-Champions League minn mindu ġie rinnovat mill-ġdid, bi Cristiano Ronaldo, bla sorpriża, ikun fuq nett fal-lista. Il-Portugiż mhux biss huwa l-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-club, iżda anke tal-kompetizzjoni, b’105 goals.

Karim Benzema jinsab fit-tieni post, hekk kif bil-goal li skorja nhar l-Erbgħa huwa għamilhom 77, wara li skorja l-ewwel goals tiegħu tat-tournament ta’ dan l-istaġun fl-ewwel leg. Raul Gonzalez jinsab it-tielet, wara li skorja 66 darba fil-kompetizzjoni għal Los Blancos.

Real Madrid huma l-iktar club li kiseb suċċess fl-istorja taċ-Champions League, u jekk ikomplu sejrin sal-aħħar jagħmluhom disa’ titli, b’dan ikun il-15-il wieħed fl-istorja li bdiet fl-1956 meta dak in-nhar kienu għollew it-trofew famuż fl-ewwel ħamsa konsekuttivi.

Sport