Il-Pulizija Spanjola assistita mill-Europol irnexxielha tkisser ċirku ta’ kriminalità b’rabta ma’ fabbrikazzjoni ta’ sigaretti illegali fejn kienu qegħdin jitħaddmu refuġjati Ukreni f’kundizzjonijiet mill-agħar.
27 persuna ġew arrestati minn tliet reġjuni fi Spanja u qed ikun allegat li kienu involuti f’kuntrabandu ta’ ammonti kbar ta’ tabakk li nħadmu f’sigaretti foloz.
Skont l-ewwel investigazzjonijiet jidher li l-fabbriki kienu qegħdin jaħdmu aktar minn nofs miljun pakketti tas-sigaretti kuljum u li dawn kienu qegħdin jinbiegħu fi Spanja u anke barra mill-pajjiż.
Il-Pulizija qalet li l-Ukreni li nstabu jaħdmu fil-fabbriki huma persuni li ħarbu mill-gwerra u li kienu qegħdin jgħixu mgeddsin f’xelters temporanji biswit l-istess fabbriki, provduti lilhom minn dawn il-kuntrabandisti. Barra minn hekk, huma kienu qegħdin jaħdmu sigħat twal ħafna u uħud minnhom lanqas kienu qegħdin jitħallew joħorġu mill-fabbriki minħabba li kienu daħlu fil-pajjiż illegalment.
Min-naħa l-oħra, dawk li kienu qegħdin imexxu dan il-kuntrabandu kienu qegħdin jgħixu ħajja ta’ lussu u allegatament kienu involuti wkoll f’ħasil ta’ flus minħabba l-operat ta’ dan il-kuntrabandu.
Fost affarijiet ikkonfiskati mill-awtoritajiet Spanjoli waqt tfittxijiet li saru f’aktar minn 20 residenza, binja industrijali u ħwienet hemm prodotti tat-tabakk li huma stamti li jiswew mas-€37.5 miljun, vetturi lussużi, ġojjellerija u ammonti kbar ta’ flus kontanti.
Skont in-Nazzjonijiet Magħquda madwar tmien miljun Ukren huma reġistrati bħala refuġjati madwar l-Ewropa wara l-invażjoni tar-Russi f’pajjiżhom. Fi Spanja hemm reġistrati mal-16,000 persuna.