Illum, fil-Port il-Kbir, fil-11.00 am, issir ir-Regatta tal-Vitorja hekk kif l-interess qed jerġa’ jikber għal dawn it-tiġrijiet tradizzjonali.
Bħas-soltu, ir-Regatta se tkun maqsuma f’żewġ kategoriji – dik Open u dik “B”. Dan l-avveniment jiftaħ bit-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa.
Fl-aħħar edizzjoni (ritratt), it-team tal-Isla rreġistra tripletta meta kaxkar il-kompetizzjonijiet kollha … jiġifieri .. l-Aggregate Shield, is-Shield ta’ Kategorija B u dik tan- Nisa … biex b’hekk kabbar ir-rekord għal total ta’ 24 rebħa fl-istorja mill-1955 … meta fil-bidu kienu rebħu s-Shield għal erba’ snin infila.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-ewwel tiġrija se tibda fil-11.00 am. Dan minħabba li s-sena li għaddiet, ir-Regatta kienet milquta minn bosta dewmien.
Bla dubju, ħadd ma jkun irid isir dan speċjalment mill-organizzaturi li jaħdmu qatigħ biex dan l-avveniment nazzjonali li jsir darbtejn fis-sena jirnexxi.
Iżda sfortunatament, dan l-avveniment is-sena l-oħra ntlaqat mill-agħar dewmien … ta’ kważi ta’ sagħetjn … minħabba ċirkostanzi li ħadd kellu kontroll fuqhom.
Kien hemm numru ta’ nuqqasijiet, ta’ teknikalitá, ta’ protest mill-frejgatina tan-nisa ta’ Marsamxett kif ukoll protesti minn clubs li kollox ma’ kollox ma għenux il-kawża tal-kumitat organizzattiv biex ikompli bil-ħidma f’waqtha u fil-ħin.
L-esperiment fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien li l-ewwel tiġrijia tibda fil-11.00 am, irnexxa fil-massimu tiegħu … u għaldaqstant jidher li issa kull regatta se tibda f’dan il-ħin.
Bħas-soltu tmien timijiet se jieħdu sehem f’din ir-regatta li jinkludu lil Birżebbuġa, Bormla, Isla, Birgu, Marsamxett, Marsa, Kalkara u Siggiewi, b’dawn tal-aħħar tkun il-ħames darba ta’ parteċipazzjoni.
F’kull kategorija jkun hemm ħames tiġrijiet – (1) Dgħajjes tal-Midalji; (2) Frejgatini; (3) Tal-Pass ta’ Bi Tnejn; (4) Kajjikki; (5) Tal-Pass ta’ b’Erbgħa.
Jidher li t-taqtiegħa se tkun bejn l-Isla u Bormla.




