Mill-istaġun 2026/27, players tal-Premier League li jiddebuttaw fiċ-Champions League se jkollhom jilbsu patch speċjali fuq il-flokk tagħhom. Din ir-regola ġdida ġiet introdotta bħala parti minn kampanja bejn “Fanatics” u l-UEFA.
Il-patch se jkollha l-kelma “debut” flimkien mal-logo famuż “starball” taċ-Champions League u se tidher fuq il-kmiem tal-flokk tal-player. Wara d-debutt, il-patch se titneħħa u tingħata lil “Topps”, il-kumpanija tal-karti tal-kollezzjoni ta’ “Fanatics”.
Il-patch imbagħad tinbidel f’karta unika, iffirmata mill-player, u titqiegħed f’pakketti għall-kollezzjonisti. Player li jibqa’ fuq il-bank mingħajr ma jidħol fil-ground ma jkunx eliġibbli sakemm jagħmel id-debutt tiegħu. Min jidħol bħala sostitut u jilgħab għall-ewwel darba, iżda, ikun eliġibbli għall-karta.
Minħabba li dawn il-karti se jkunu uniċi, jistgħu jkunu ta’ valur kbir għall-kollezzjonisti, b’xi karti speċjali jinbiegħu għal aktar minn £100,000 jew saħansitra miljuni.
Il-programm mistenni jiġi introdott ukoll fil-kompetizzjoni tan-Nisa tal-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.




