Il-Fgura kienet iċ-ċentru ta’ ċelebrazzjoni fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta l-komunità nġabret għal attività spettakolari mimlija divertiment u attrazzjonijiet għall-familja kollha. L-attività, li kienet mifruxa fuq jumejn, offriet għadd ta’ attivitajiet għat-tfal u l-adulti, bil-kollaborazzjoni ta’ diversi artisti lokali, logħob interattiv, u stands tal-ikel, li kollha kkontribwew għal atmosfera mill-isbaħ f’din ir-raba’ edizzjoni ta’ ‘Il-Pjazza fil-Milied Fgura’.
Il-qofol tal-attivitajiet intlaħaq il-Ħadd filgħaxija b’rekord ġdid nazzjonali għall-ikbar gingerbreadman f’Malta. Dan il-gingerbread, magħmul b’talenti lokali u bi sfida kreattiva kbira, kien suċċess kbir u ħalla lil dawk preżenti fuq ix-xwiek jistennewh jitlesta. Il-proċess tiegħu kien jinkludi dedikazzjoni kbira, xogħol kollaborattiv u kreattività bla limitu fejn b’kollox intużaw 290 Kilogramma ta’ għaġina u 150 Kilogramma ta’ icing.
L-avveniment kien imtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Fgura bl-appoġġ tar-Reġjun Port u membri mid-diversi għaqdiet fil-lokal li taw il-kontribut tagħhom biex l-attività tkun waħda memorabbli li kompliet tibni fuq l-edizzjonijiet tas-snin preċedenti.
Is-Sindku tal-Fgura f’kumment li ta tkellem dwar kif din l-attività serviet biex tkattar l-ispirtu ta’ għaqda f’dawn iż-żminijiet fejn kull minn kien involut ta biċċa mill-ħin tiegħu biex l-impenn tal-Kunsill Lokali li jorganizza ġie mżewwaq b’attività li kien fiha daqstant atrazzjonijiet għall-familja kollha. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ta’ sehemhom u fuq kollox parti mill-ħin tagħhom hekk kif wara kollox l-għan wara din l-attività kien li tingħata wkoll donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.
Min-naħa tiegħu l-Kunsillier Charles Bonello, li ħadem id f’id mas-Sindku, irringrazzja lil kull min attenda u tkellem dwar ir-rekord tal-ikbar gingerbreadman li qatt sar fil-pajjiż. “Allura verament sodisfatt li din l-attività kienet suċċess kif ukoll irnexxielna għat-tieni darba fi żmien xahar niksbu rekord ieħor nazzjonali”, żied jgħid s-sur Bonello.
Fost dawk li żaru din l-attività kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali is-Sur Mario Fava kif ukoll il-President tar-Reġjun is-Sur Paul Farrugia.