Nhar it-Tlieta filgħaxija, madwar 40,000 persuna attendew għat-18-il edizzjoni tal-Isle of MTV Malta fil-Fosos tal-Furjana, l-akbar kunċert b’xejn fl-Ewropa. L-avveniment kompla jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aktar appuntamenti mistennija fis-sajf Malti, filwaqt li jattira wkoll eluf ta’ turisti li jżuru Malta apposta għal dan il-festival.
Il-kunċert fetaħ bis-sehem ta’ diversi artisti Maltin, fosthom Jamie Cardona, Aidan u Mychael Bartolo Chircop li taw bidu għal lejla mimlija mużika u divertiment.
Waħda mill-aktar prestazzjonijiet mistennija kienet dik ta’ Katy Perry, li ppreżentat repertorju ta’ suċċessi li jkopru l-karriera tagħha, flimkien mas-single l-ġdida tagħha ‘Watch It Burn’. Waqt interpretazzjoni akustika tal-kanzunetta ‘Roar’, Perry qasmet mal-udjenza riflessjoni personali dwar il-ħajja personali tagħha, filwaqt li wasslet messaġġ ta’ kuraġġ u perseveranza lill-eluf preżenti. Is-sett tagħha kien ikkaratterizzat ukoll minn diversi mumenti interattivi mal-pubbliku, fosthom fan-cams, mixja qalb il-folla ġo flixkun tal-ilma ġgant qabel għalqet il-wirja tagħha bis-suċċess dinji ‘Fireworks’.
Il-pubbliku gawda wkoll mill-prestazzjoni ta’ Afrjojack, DJ ta’ fama dinjija li għalaq it-18-il edizzjoni tal-Isle of MTV Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li l-Isle of MTV jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fil-kalendarju turistiku ta’ Malta. “Avvenimenti ta’ din il-kwalità jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-avvenimenti internazzjonali u jikkontribwixxu direttament għall-ekonomija tagħna, filwaqt li juru l-kapaċità ta’ pajjiżna li jospita produzzjonijiet ta’ livell dinji. Il-fatt li l-kunċert se jixxandar f’aktar minn 150 pajjiż ikompli jagħti viżibilità straordinarja lil Malta u jsaħħaħ il-promozzjoni tagħha fuq livell globali,” sostna l-Ministru Abela.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tixxandar fuq l-MTV fit-18 ta’ Settembru f’aktar minn 150 pajjiż madwar id-dinja u se tkun disponibbli wkoll on demand, u b’hekk tkompli ssaħħaħ il-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-avvenimenti u t-turiżmu.
