Saturday, November 23, 2024

Resqin lejn Direttiva Ewropea dwar għajxien diċenti għall-ħaddiema

Aqra wkoll

Abbozz ta’ Liġi ġdid li ġie adottat ftit jiem ilu għandu l-għan li jiżgura livell minimu ta’ protezzjoni tal-pagi fl-Istati membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan l-abbozz għandu l-għan illi jiġu garantiti livelli ta’ għajxien diċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-vot favur dan l-abbozz ta’ liġi ġdid ittieħed nhar il-Ħamis mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlment Ewropew.

Skont dan l-abbozz ta’ liġi, l-Istati membri kollha  se jkollhom jivvalutaw u jirrappurtaw dwar jekk il-pagi minimi statutorji humiex biżżejjed billi jintużaw kriterji biex jistabilixxu kundizzjonijiet tax-xogħol u għajxien diċenti. Dawn ukoll jinkludu elementi bħar-rata tal-faqar.

L-istat membri li fihom il-paga minima hija protetta esklussivament permezz ta’ ftehim kollettiv mhux se jkunu obbligati li jintroduċu pagi statutorji jew li jagħmlu dawn il-ftehimiet applikabbli b’mod universali.

Dan l-abbozz ta’ liġi, li jsir Direttiva Ewropea meta jkun approvat għandu l-għan espliċitu li jsaħħaħ u jestendi l-kopertura tal-ftehim kiollettiv u jipproteġi lill-ħaddiema billi jipprovdilhom paga minima permezz tan-negozjar.

Meta tidħol fis-seħħ, id-Direttiva se tinsisti illi l-Istati membri fejn il-livell tan-negozjar kollettiv ikun disponibbli għal inqas minn 80 fil-mija tal-forza tax-xogħol, dawn għandhom jieħdu passi attivi biex jippromwovu n-negozjar kollettiv.

Dawn ukoll iridu jfasslu l-aħjar strateġija għal dan il-għan u għalhekk għandhom jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali u jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-miżuri adottati.

Barra minn hekk id-Direttiva se tkun qed tipprojbixxi espliċitament atti li jdgħajfu n-negozjar kollettiv jew il-ftehimiet kollettivi dwar l-iffissar tal-pagi

Id-Direttivi se jkollha l-għan li tippovdi wkoll illi l-ħaddiema jkunu jistgħu jissieħbu fi trejdunjins mingħajr ma jkunu ostakolati milli jagħmlu dan.

L-abbozz ġdid ta’ liġi ġie adottat b’37 vot kontra 10 u 7 astensjonijiet. Finalment għad irid jiġi approvat mis-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew li se tiltaqa’ bejn it-22 u l-25 ta’ dan ix-xahar qabel ma jkunu jistgħu jibdew in-negozjati mal-Kunsill dwar il-forma finali ta’ din  il-leġislazzjoni.

Sport