Friday, December 27, 2024

RIĊERKA U INNOVAZZJONI GĦALL-EKONOMIJA TAL-FUTUR

Aqra wkoll

Id-dinja moderna tesiġi investiment fit-teknoloġija u r-riċerka. Settur li pajjżna għal tant snin ma tantx mexa ‘l quddiem fih. Jidher iżda li din il-folja se tinqaleb u dan is-settur qiegħed jerġa’ jingħata l-importanza li jistħoqqlu anke b’investiment qawwi fl-Universita’, il-post li fost il-pilastri tiegħu hemm ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan għaliex mill-Università joħorġu professjonisti f’diversi oqsma tal-ħajja u tal-ekonomija.

Din l-ispinta lir-riċerka u l-innovazzjoni ġiet żvelata f’dawn l-aħħar jiem b’investiment fl-Universita li bih Malta kapaċi tkun fuq quddiem f’dawn is-setturi. L-inawgurazzjoni ta’ laboratorji ġodda tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-inġinerija se jkomplu jgħinu lill-istudenti tagħna jiksbu aktar ħiliet u għarfien tas-suġġett li se jkunu qed jispeċjalizzaw fih.

Dawn il-laboratorji se jilqgħu fihom studenti li qed jistudjaw f’livell Maġisteru u Dottorat. Fihom se ssir riċerka marbuta mal-inġinerija tal-manifattura, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni u l-inġinerija robotika kemm għall-vetturi fuq l-art, fuq il-baħar u anke dawk aerospazjali. Skont ma qal il-Prim Ministru, dan l-investiment huwa sinjal ċar ta’ fejn il-Gvern irid jieħu lil pajjiżna għas-snin li ġejjin, biex inkunu fuq quddiem tal-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu kullimkien.

Dan l-investiment komprensiv laħħaq id-€39 miljun minn fondi pubbliċi u dawk Ewropej. Dan huwa xhieda ta’ kemm il-Gvern għandu l-għan li jinvesti fl-edukazzjoni, speċjalment fir-riżorsi li jħejju primarjament liż-żgħażagħ għat-teknoloġija tal-futur. Għalhekk huwa għaqli li l-Gvern ħa deċiżjoni oħra li jirriforma s-sistema tal-istipendji u jżidhom partikolarment għal studenti li qed jistudjaw f’oqsma tal-futur u li jagħtu valur miżjud lil pajjiżna.

Nemmnu li ekonomija moderna ma tistax tgħaddi mingħajr ir-riċerka u l-innovazzjoni. Jekk ma tagħmilx dan titlef il-pass mal-kompetituri tagħha bil-konsegwenza li taqa’ lura. Quddiem dan kollu, nilqgħu dan l-investiment massiċċ li wara kollox se jsaħħaħ ukoll ir-riżors uman li hu pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Għalhekk, nifhmu wkoll li l-inizjattiva fl-Universita’ ta’ Malta permezz ta’ dawn il-laboratorji mhix se tkun waħda iżolata imma li tagħti direzzjoni ċara f’oqsma industrijali ġodda. Dan anke f’kuntest, kif fisser il-Prim Ministru, ta’ dak li qed isir biex bħala pajjiż tkompli titrawwem aktar in-namra max-xjenza u t-teknoloġija saħansitra anke fl-edukazzjoni bikrija. Dan bi ħsieb ċar li l-edukazzjoni tkun allinjata mal-ħtiġijiet tal-ekonomija li pajjiżna qed joħloq.

Ekonomija

Sport