Saturday, December 21, 2024

“Riedu jibqgħu f’pajjiżna”- Tfal Ukreni b’esperjenza ta’ ġimgħa f’Malta

… inizjattiva ta’ solidarjetà mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

“Dawn it-tfal ma tantx għandhom affarijiet pożittivi lejn xiex iħarsu minħabba l-gravità tal-gwerra. Hemm uħud minnhom li tilfu lil missierhom minħabba li kien involut bħala suldat mal-forzi Ukreni. U għalhekk huma riedu jibqgħu f’pajjiżna, xi ħaġa li lili laqtitini ħafna.”

Stqarr dan il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava f’kummenti ma’ dan is-sit dwar il-kamp tas-sajf li organizzaw flimkien ma’ numru ta’ entitajiet oħra għal numru ta’ tfal u żgħażagħ Ukreni li għandhom bejn id-9 u l-14-il sena, fejn minbarra li ħadu pjaċir u kienu ‘l bogħod mill-periklu tal-gwerra, tgħallmu dwar il-kultura u l-ħajja tagħna l-Maltin. 

Is-Sur Fava beda biex qal li peress li għandu ħafna kuntatti internazzjonali fi rwoli tar-reġjuni Ewropej, tkellem ma’ xi Ukreni dwar l-idea li jinġiebu tfal li ilhom ma jesperjenzaw ftit is-sbuħija tal-ħajja; anzi dawn it-tfal qed jgħixu l-biża’ tal-gwerra. Din it-talba ntlaqgħet tajjeb u dawn it-tfal eventwalmet ġew Malta f’sajf tipiku. 

Fava spjega li flimkien ma’ xi nies oħra organizzaw ġimgħa attivitajiet mimlijin daqs bajda fejn dawn it-tfal minn wiċċhom tinduna li verament ħadu gost. Kien hemm dawra bil-ferrovija madwar it-tlett ibliet tal-Kottonera, nofstanhar fl-istabbiliment ta’ Mdina Glass fejn hemmhekk setgħu jagħmlu wkoll il-biċċiet favoriti tagħhom kif ukoll fl-MCAST fejn hemmhekk ukoll kien għaddej kamp ieħor tas-sajf. 

Ma naqsux mawriet fil-gżira t’Għawdex speċjalment fil-belt kapitali Rabat u anke attivitajiet kulinjarji fejn dawn it-tfal kellhom iċ-ċans jagħmlu l-pizza favorita tagħhom bl-għaġina b’kollox. Huma kellhom iċ-ċans imorru fi stabbilimenti ta’ ħwienet prinċipali fil-Kalkara, f’Tas-Sliema u San Ġiljan u jesperjenzaw mill-ġdid li jaraw il-vetrini tal-ħwienet, jixtru xi ħaġa żgħira u jilagħbu anke f’xi swali fejn hemm ħafna logħob teknoloġiku. 

Fil-fatt anke l-ħwienet ta’ din ix-xorta huma magħluqa fl-Ukrajna u għalhekk huma biss dawk fejn hemm l-affarijiet bażiċi li huma miftuħin. It-temp, l-ambjent u anke l-kulur li kien hemm f’dawn il-ħwienet għaġġbu mhux ftit lil dawn it-tfal Ukreni li bilkemm riedu jitilqu minn fejn kienu.

“L-iktar ħaġa li laqtitni kienet meta ħadna lil dawn it-tfal jgħumu kemm fil-baħar sabiħ ta’ pajjiżna kif ukoll f’pixxina ta’ farmhouse lokali. Dawn litteralment kienu se jtiru bil-ferħ għax hemm minnhom li ilhom kważi tliet snin ma jgħumu minħabba li r-Russi għalqulhom kull aċċess għall-baħar li hemm fil-fruntiera. Ma nistax inneħħi minn moħħi dik it-tbissima tagħhom u l-mod ta’ kif jirringrazzjawk ta’ dak li organizzajnielhom. Il-baħar tagħna hu ferm sabiħ u pittoresk, xi ħaġa li stajt nara sew kemm kienu qed jieħdu pjaċir mhux biss jgħumu iżda anke jgħoddsu u jaraw il-ħut. Xi ħaġa sempliċi iżda li għalihom kienet xi ħaġa li kienu ilhom ma jesperjenzaw.”

Huwa stqarr li tgħallem ħafna minn din l-esperjenza ta’ ġimgħa speċjalment għax dawn it-tfal Ukreni ma riedu bl-ebda mod imorru lura f’pajjiżhom. Hu veru li ġew bħala grupp mingħajr il-ġenituri tagħhom iżda hawn sabu l-ġenna, ferm ‘il bogħod mill-infern li għaddew u li qed jgħaddu. Tajjeb li ngħid li l-kuntatt mal-ġenituri tagħhom ma naqas qatt u anke dawn irringrazzjawna ħafna ta’ li għamilna magħhom.”

Mario Fava jgħid li jixtieq jagħmel inizjattivi bħal dawn għax jemmen li qed jagħmel il-ġid ma’ sezzjoni ta’ nies li qed ibatu ħafna.

“Tkellimt mal-Prim Ministru Robert Abela li wkoll kellu ċ-ċans jiltaqa’ magħhom u filwaqt li kellimhom, dawwarhom il-Berġa ta’ Kastilja filwaqt li flimkien ma’ oħrajn spjegalhom l-istorja ta’ dan il-bini.”

“L-istess Prim Ministru aċċertani li attivitajiet bħal dawn huma importanti speċjalment għax jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. L-għan hu li nagħmel xi ħaġa simili fi żmien il-Milied li nafu kemm hu perjodu ferm għażiż fid-dinja. Wieħed irid jara sew għalkemm inħoss sodisfazzjon kbir li tajt it-tbissima lin-nies li neqsin minn pożittività u ħajja normali li aħna l-Maltin niħduha kif jgħidu l-Ingliżi forgranted.”

Ekonomija

Sport