Saturday, December 21, 2024

RIFORMA ĠUSTA U INKLUSSIVA

Aqra wkoll

Fis-snin kollha t’attiviżmu tiegħi, kemm fl-istrutturi tal-Partit Laburista u anke lil’hinn minnhom, kemm-il darba kont involuta f’dibattiti bit-tama li xi darba naraw ċaqliqa sinifikanti favur qafas legali inqas drakonjan u iżjed soċjalment ġust fir-rigward tal-użu personali tal-kannabis.

L-użu tal-kannabis huwa fenomenu soċjali, u quddiem din ir-realtà il-leġislatur għandu għażla: jew li jibqa’ ċass u jħalli għaddej ir-renju ta’ kriminali a skapitu ta’ ħafna (eluf!) t’individwi li jużaw din is-sustanza b’mod responsabbli, jew li jieħu r-riedni f’idejh u joħloq sistema li tirregolarizza dan l-użu, b’mod li tipproteġi lis-soċjetà fil-proċess.

Is-sitwazzjoni preżenti ilha tkaxkar wisq, u mal-milja taż-żmien is-sistema ġudizzjarja fallietna bil-kbir: min jaf kemm hemm individwi li f’ħakka t’għajn ġew ittimbrati, umiljati, u trattati ta’ kriminali, bil-konsegwenzi kollha li din iġġib magħha għalihom u għall-familji tagħhom, filwaqt li l-kriminali vera baqgħu isiru sinjuri minn fuq daharhom!

Għalhekk, meta nitkellmu fuq din ir-riforma, qed nitkellmu fuq kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali.  

Għall-istess raġuni, nirrabja meta nisma lill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jinqdew b’min hu vulnerabbli jew għandu problema t’abbuż biex joħorġu kontra l-abbozz li qed jippreżenta l-Gvern.

Wieħed irid, qabel xejn, jirrikonoxxi li l-użu personali tal-kannabis m’għadux tabù jew xi att kundannabbli, u l-users mhumiex esklussivament żgħażagħ bħalma prova jagħti l-impressjoni Bernard Grech f’waħda mill-ħafna fouls li għamel fl-aħħar xhur. Min mhux qed jirrikonoxxi dawn ir-realtajiet, qed jgħix f’bozza u ma jista’ qatt jilleġisla b’mod li hu soċjalment sensittiv.

Hawnhekk minix se nidħol fil-mertu tal-falliment totali ta’ kif il-Partit Nazzjonalista ġab ruħu fl-aħħar xhur fejn jidħol dan id-dibattitu, għax dik hija analiżi fit-tul li wieħed jista’ jikteb ktieb dwarha. Sfortunatament qed naraw kif l-intriċċi interni tad-Dar Ċentrali komplew ixekklu għal kollox l-abbiltà tal-Oppożiżżjoni li tagħmel xogħlha b’mod kredibbli, imma m’għandniex inħallu dan il-fattur itellifna mill-importanza ta’ dan il-mument u x’se jfisser dak li qed jiġi diskuss fil-Parlament.

Min-naħa l-oħra, kemm jien kuntenta li l-Gvern fl-aħħar ressaq dan l-abbozz ‘il quddiem, u emenda ukoll il-proposti oriġinali biex inkorpora l-feedback tal-konsultazzjoni pubblika. Dan ifisser li ser ikollna qafas kuraġġjuż u olistiku, li ser jirrimedja, sa’ fejn jista’, l-inġustizzji tal-passat u li ser iwassal għal bidla soċjali fid-direzzjoni t-tajba. Fl-aħħar!

Ekonomija

Sport