Il-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar iddikjarat li r-riforma fil-liġi tal-kannabis se tkun qiegħda tħott il-ħitan tal-preġudizzju u mhux se tħajjar l-użu, li tirrispetta l-għażla tal-individwu u mhux tikkastigah, li se tgħin u mhux se tkisser u li se tħalli pajjiż aktar soċjalment ġust.
Hija bdiet l-intervent tagħha billi qalet li abbozzi ta’ liġi bħal dawn juruk x’tip ta’ tmexxija għandna f’dan il-pajjiż, tmexxija empatika, tmexxija illi tagħder u tifhem u li ma tiġġudikax jew saħansitra tostakola liċ-ċittadini. Qalet li fl-aħħar snin rajna diversi każi fil-media ta’ persuni li jinqabdu b’ammonti żgħar ta’ kannabis għall-użu personali u li ġew trattati daqslikieku huma xi kriminali.
Saħqet li kien għalhekk li bħala Deputata impenjat ruħha bis-sħiħ u mbuttat sabiex issir riforma verament mill-qiegħ f’dak li huwa użu responsabbli tal-kannabis.
Cutajar qalet li fuq naħa għandna Gvern li huwa viċin in-nies u li jgħix man-nies u li allura jifhem ir-realtajiet soċjali u għandu l-kuraġġ li jindirizzahom filwaqt li fuq naħa oħra għandna Oppożizzjoni illi hija maqtugħa mir-realtà, li tippreferi tgħaddas rasha taħt ir-ramel u tinnega r-realtà iżda agħar minn hekk tbeżża’ u impenjata li xxered il-miżinformazzjoni filwaqt li tkompli toħloq stigma fil-konfront ta’ min jagħmel użu responsabbli mill-kannabis.
“Irridu nifhmu li dawn il-perusni li jagħmlu użu mill-kannabis huma parti mis-soċjeta tagħna. Għaldaqstant jixirqilhom rispett. Kull tip ta’ label li tpoġġiet u li titpoġġa fuq dawn in-nies hi inġusta. Nemmen li b’sens ta’ responsabbiltà u ġustizzja, l-għażla personali tal-individwu li jikkonsma l-pjanta tal-kannabis minkejja r-riskji li jista’ jkun hemm fuq is-saħħa tal-persuna, m’għandhux iwassal għal kriminalizzazjoni tal-istess persuna,” qalet il-Membru Parlamentari Cutajar.
Semmiet kif qed jiġi propost it-tneħħija tal-arrest mandatorju fejn qalet li ma jistax ikollok persuni li jinqabdu bi ftit grammi ta’ kannabis illi jiġu arrestati u saħansitra jmorru quddiem il-Qrati. “B’dan l-abbozz se nkunu qed innaqqsu mil-piż żejjed li se jkun hemm quddiem il-Qorti u se nħallu l-pulizija tagħna jiffokaw fuq reati kriminali illi huma tassew problematiċi għas-soċjetà tagħna b’mod inġenerali.”
Fl-istess ħin, hija rrimarkat ukoll li mhux se jkun permess it-tipjip tal-kannabis f’postijiet pubbliċi u li dan l-abbozz se jwassal biex finalment se jkun hemm sors leġittimu ta’ fejn wieħed jakkwista l-prodott tal-kannabis, pass mill-aktar importanti li juri l-intenzjoni tal-Gvern wara dan l-abbozz ta’ liġi li jiġġieled l-black market.
“Dak li qed niddiskutu huwa frott ta’ xhur ħidma, riċerka u konsultazzjoni u huwa frott tal-ħidma tagħna biex tinħoloq soċjetà aktar ġusta għal min juża l-kannabis b’mod responsabbli. Kburija li b’dan l-abbozz li se jindirizza l-karba ta’ eluf ta’ persuni li ġew stigmatizzati jew meqjusin bħala kriminali. Għalhekk se nkunu qed noħolqu qafas regolatorju biex ikollna awtorità li tissorvelja, li tmexxi iżda wkoll tara li l-liġijiet qed ikunu mħarsa. Ma rridux illi jkun hemm elementi ta’ abbużi,” saħqet Cutajar.