Monday, December 23, 2024

RIFORMA OĦRA MFASSLA MAN-NIES U GĦAN-NIES

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli b’kuraġġ jirriforma liġijiet biex dawn jiġu aġġornati għar-realtajiet tal-lum. L-aħħar mis-sensiela ta’ riformi tirrigwardja l-Qorti tal-Familja. Riforma li ilha tinħass il-ħtieġa li kellha ssir anke biex jiġu indirizzati l-problemi tan-nies b’mod aktar effiċjenti. 

Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Gvern mhux qed jaqbad u jirriforma waħdu iżda qed jinżel fost il-pubbliku u jitlob il-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom. Bħalma rajna f’dawn l-aħħar jiem fejn inbeda proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma meħtieġa fil-Qorti tal-Familja minn żewġ ministeri ewlenin – dak tal-Ġustizzja u dak tal-qasam soċjali. 

F’dik li kienet l-ewwel laqgħa pubblika b’rabta ma’ din ir-riforma, li fiha ħa sehem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, ġew diskussi bosta temi speċifiċi fosthom l-aċċess u l-manteniment, proċeduri aħjar fil-Qorti tal-Familja, il-kura u l-kustodja u l-co-parenting u parental alienation. 

Kif spjega tajjeb il-Prim Ministru, il-proċess quddiem il-Qorti tal-Familja għandu jimxi fuq żewġ binarji, bl-ewwel triq għandha tkun dik tar-rikonċiljazzjoni u l-proċess ta’ medjazzjoni biex jekk hemm ċans li l-familja ssalva, dik l-opportunità tkun tista’ tingħata. Madankollu, fejn it-tama ta’ rikonċiljazzjoni ma tkunx posssibbli, waħda mid-diskussjonijiet f’din ir-riforma għandha tkun dik li twassal il-partijiet għal ftehim bonarju.

F’settur li huwa daqstant sensittiv, il-Gvern irid ukoll sistema ġudizzjarja li tkun tista’ twieġeb b’mod aktar effettiv għar-realtajiet tal-familji. Huwa għalhekk li l-Gvern qed iħares li l-pajjiż ikollu Qorti tal-Familja speċjalizzata. Fl-istess waqt, id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom jibqgħu jkunu dejjem fl-aħjar interess tat-tfal. 

Hi ħasra meta nisimgħu b’każi fejn it-tfal jintużaw bħala ballun speċjalment meta ż-żewġ ġenituri jkunu setgħu jikkoperaw sabiex tinbena relazzjoni magħhom it-tnejn u wara li jkunu indunaw li żbaljaw, jaf ikun tard wisq. Għalhekk nemmnu li għandhom isiru aktar sforzi f’dan ir-rigward sabiex it-tfal ma jispiċċawx vittmi ta’ pika li jista’ jkun hemm bejn il-partijiet.

Għajnuna teżisti iżda jeħtieġ li minbarra r-riformi kontinwi minn dan il-Gvern, ikun hemm ir-rieda tal-ġenituri li jgħinu biex sitwazzjonijiet ma jeskalawx bla bżonn u jħarsu dak li huwa verament l-aħjar interess t’uliedhom. 

Tajjeb li dawn iżommu f’moħħhom illi l-ulied diġà jkollhom ferita meta r-relazzjoni bejn il-ġenituri tagħhom tispiċċa. Għalhekk, ikun iżjed ta’ benefiċċju jekk tinħoloq koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet konċernati milli nkomplu nitfgħulhom iżjed melħ fuq il-ġerħa.

Nemmnu illi bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’din ir-riforma nistgħu tassew niżguraw li l-familji jkollhom aċċess għal sistema legali li tkun waħda ġusta, effiċjenti u li tirrispondi għas-sitwazzjonijiet soċjali li jinsabu fihom. 

Ekonomija

Sport