Thursday, March 27, 2025

RIFORMI

Aqra wkoll

Sar punt interessanti kif fit-taħdit politiku tal-lum kullimkien, waħda mill-aktar kelmiet użati biex tfisser xi jrid isir hi “riforma” fis-singolar jew fil-plural. Tant tintuża li forsi spiċċat żvalutata. 

Ħafna drabi “riforma” tfisser it-tneħħija ta’ politika li tkun iddaħħlet xi xnin qabel, ukoll bl-għajta ta’ riforma. Nieħu l-impressjoni li hekk qed jiġri bis-slogans politiċi kurrenti dwar ir-riformi biex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika ta’ dan jew ta’ dak. Jogħxew f’dad-diskors il-forzi politiċi tal-lemin, imma mhux biss huma.

Meta tanalizza xi jkunu jridu jwettqu bir-riformi tagħhom favur kompetittività, issib li jkollhom f’moħħhom it-tneħħija ta’ liġijiet li ddaħħlu fis-snin ta’ qabel, bħal biex iħarsu l-ambjent, jipproteġu l-konsumatur jew jippromwovu imġiba etika fit-tmexxija tal-azjendi. L-iskuża tkun li dawn il-liġijiet daħħlu wisq burokrazija u spejjeż żejda fit-tmexxija. 

DIFIŻA 

Maħruġa ġimgħa ilu, il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli Ewropew għall-Affarijiet Barranin u Sigurtà hi interessanti u fiha x’tomgħod. Hi ħolqa ewlenija fil-katina li qed tinbena biex l-Unjoni Ewropea tikkonverti ruħha f’alleanza militari.

Ftit jista’ jkun hemm dubju li d-dokument se jsib appoġġ qawwi mill-maġġoranza tal-membri tal-Unjoni, li jinsabu trawmatizzati mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, u forsi aktar minn hekk, mill-pożizzjoni li qed tieħu l-amministrazzjoni Amerikana tal-President Trump dwar is-sigurtà militari tal-Ewropa.

F’qagħda bħal din, hu naturali li tiddomina mentalità ta’ “aħna t-tajbin u l-perfetti kontra dawk li għax aħna aħjar minnhom, jixtiqiluna kull deni u jridu jiddominawna”, bir-Russja quddiem nett. Li hemm nieqes madankollu fil-White Paper, u fl-istqarrijiet li ħerġin minn Brussell, hu xi forma ta’ viżjoni dwar (skont l-Ewropej) ir-rabtiet “ideali” li għandu jkun hemm bejn l-Ewropa, ir-Russja, iċ-Ċina u speċjalment l-Istati Uniti. Fejn jidħol in-NATO, l-istqarrijiet li saru sa issa ma kienu xejn ħlief ġiri fuq l-istess maduma. Donnu li ma teżistix viżjoni tat-tul dwar il-futur tas-sigurtà Ewropea.

KUNTRATTI TAL-GVERN

Minn żmien żemżem, kull sejħa għal offerti f’kuntratti ta’ investiment kapitali kbir (jew anke żgħir) li joħroġ il-gvern dejjem ġiet kontestata meta d-deċżjoni “finali” tittieħed. Isiru appelli u protesti ibbażati fuq tmexxija ħażina tas-sejħa, evalwazzjoni skorretta tal-offerti mressqa, favoritiżmu, korruzzjoni, abbuż ta’ poter eċċ eċċ eċċ. Matul is-snin, sa fejn nista’ niftakar, deċiżjoni waħda biss ma ġietx ikkontestata.

Niskanta kif l-ebda gvern sal-lum għadu ma sabx mod effettiv u trasparenti biex jelimina dad-diżgwid, waqt li jsostni l-miżuri kollha viġġenti li jiżguraw ġudizzji bil-galbu dwar l-offerti li jitressqu. Kont naħseb li hu fl-interess tal-partiti politiċi kollha li dan isir… imma l-biċċa kienet problema u hekk baqgħet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport