Thursday, April 18, 2024

Rishi Sunak … ‘Indjan’ maħtur bħala l-PM tar-Renju Unit

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba fl-istorja politika tiegħu, ir-Renju Unit għandu Prim Ministru ta’ karnaġġjon skur. Dan wara li l-Partit Konservattiv ħatar lil Rishi Sunak bħala s-suċċessur ta’ Liz Tuss wara d-diżastru finanzjarju li għamlet, diżastru li wassal għar-riżenja tagħha wara ftit aktar minn 40 jum fit-tmexxija. Sunak huwa wkoll l-ewwel Prim Ministru Ingliż li jħaddan ir-reliġjon tal-Hindu, ir-reliġjon ewlenija tal-Indja, minn fejn oriġinat il-familja tiegħu.

Min hu Rishi Sunak?

Rishi Sunak twieled fl-1980 ġewwa l-belt Ingliża ta’ Southampton. Missieru huwa tabib tal-familja u ommu hija spiżjara. In-nanniet ta’ Rishi kienu emigraw lejn ir-Renju Unit mill-Indja fis-sittinijiet. Dik il-ħabta hafna nies mill-eks kolonji Ingliżi kienu ttantaw xortihom ġewwa r-Renju Unit minħabba d-domanda kbira ta’ xogħol li kien hemm sabiex l-Ingilterra u l-pajjiżi l-oħra li jiffurmaw ir-Renju Unit jinbnew mill-ġdid mit-tifrik tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Għalkemm Rishi Sunek huwa iben żewġ professjonisti mediċi, il-familja Sunak kellha tagħmel sagrifiċċji kbar sabiex bagħtuh jistudja l-ekonomija u l-politika ġewwa l-Università prestiġjuża ta’ Oxford. Però, il-fortuna ta’ Rishi daħkitlu bil-kbir meta kien mar jagħmel masters fil-business ġewwa l-Università Amerikana ta’ Stanford. Dan għaliex hemm iltaqa’ ma Akshata Murthy, bint negozjant biljunarju Indjan. Rishi u Aksahta żżewġu fl-2009 u għandhom żewġt ibniet, Krishna u Anoushka.

Rishi Sunak huwa probabbilment l-aktar membru parlamentari Ingliż sinjur ta’ kull żmien għaliex jingħad li huwa u martu għandhom taħt rashom aktar minn 730 miljun Lira Sterlina f’ġid, kważi d-doppju tal-fortuna li għandu r-Re Karlu.

Ta’ min jgħid li l-media Ingliża kemm-il darba tat gambetti lil Rishi permezz ta’ kritika indirizzata lejn martu. L-ewwel episodju ta’ din ix-xorta kien jittratta xi ħlasijiet tat-taxxa ta’ Aksahta, li milli jidher kienet sabet mod sabiex ma tħallasx taxxi ġewwa r-Renju Unit. It-tieni episodju kien jitratta kumpaniji tal-familja tagħha, li fihom hija għandha sehem, kumpaniji li baqgħu joperaw ġewwa r-Russja minkejja s-sanzjonijiet imposti mill-punent minħabba l-gwerra.

Sunak gie elett ghall-ewwel darba fil-parlament fl-2015 mill-belt ta’ Richmond, fil-Yorskshire. Fl-2020, Boris Johnson kien ħatru fl-aktar kariga prestiġjuża fil-politika Ingliża wara dik ta’ Prim Ministru, jiġifieri dik ta’ Ministru tal-Finanzi. Ironikament, Sunak kien strumentali sabiex Boris Johnson kellu jirreżenja mill-ogħla kariga politika ġewwa r-Renju Unit.

Madwar xahrejn ilu, Sunak kien ir-rivali ewlieni ta’ Liz Truss fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv. Minkejja li tilef din l-elezzjoni, il-fortuna, jekk wieħed jista’ jgħidilha hekk fiċ-ċirkoskanzi li qiegħda bħalissa fihom l-Ingilterra, reġgħet daħket lil Sunak għaliex Truss kellha tirrżena wara ftit aktar minn 40 jum fit-tmexxija wara sensiela ta’ żbalji gravissimi li għamlet kif rajna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra.

Is-sitwazzjoni politika li wiret Sunak

Naturalment, l-aktar li sejjer ikun qiegħed jikkonċentra Sunek bħala l-Prim Ministru tar-Renju Unit huwa fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, suġġett li huwa l-forte tiegħu minħabba li huwa kien diġà serva tajjeb ħafna bħala l-Ministru tal-finanzi taht Boris Johnson matul l-agħar perjodu tal-pandemija.

Ironikament, issa Sunak irid jiffaċċja l-konsegwenza tad-deċiżjonijiet finanzjarji li kien ħa l-gvern dik il-ħabta. sabiex inkunu ġusti, l-iskop wara dawk id-deċiżjonijiet kien wieħed tajjeb għaliex l-Ingilterra, bħal kważi l-pajjiżi kollha tal-punent, kienet addotat l-hekk imsejha ‘twin policy’ sabiex iżżomm l-inflazzjoni u l-interessi baxxi ħalli d-daqqa fuq in-nies tkun anqas ħarxa. Sabiex ikun jista’ jilħqu dawn iż-żewġ għanijiet, Sunek u sħabu kienu qabbdu lill-Bank Centrali Ingliż jixtri l-bonds tal-gvern.

Il-figuri ekonomiċi li sejjer jiret Sunak huma tassew allarmanti. L-inflazzjoni issa laħqet l-10.1%, figura għolja ħafna, l-ogħla waħda f’dawn l-aħħar 40 sena, filwaqt li l-Lira Sterlina għadha dgħajfa ħafna meta kkomparata mad-Dollaru Amerikan. sabiex tkompli tgħaxxaqha, l-Aġenzija Moody’s għadha kemm naqset ir-ratings ekonomiċi tar-Renju Unit minn stabbli għal negattivi. Minħabba li issa l-gvern ma jistax joħroġ aktar bonds tal-gvern, li huma effettivament is-self tal-gvern, issa Sunak sejjer ikollu jissellef mingħand banek privati, naturalment b’interessi ħafna ogħla.

Naturalment, s-sitwazzjoni ekonomika mhijiex l-unika problema li jrid isolvi Sunak. Fost ħafna kwistjonijiet oħra konsegwenza tal-Brexit, li ta’ min jgħid Sunak kien favurih, hemm il-problema tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ fuq, li tagħmel parti mir-Renju Unit, u r-Republika Irlandiza. Fuq din il-problema Sunak jaf ikollu vantaġġ fi żmien ftit ġimgħat oħra għaliex ir-Repubblika Irlandiża dalwaqt tgħaddi taħt it-tmexxija ta’ Leo Varadkar, li bħal Sunak huwa ta’ dixxendenza Indjana. Dan forsi jaf jiffaċilita n-negozjati, l-istess kif jista’ jtejjeb ir-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropeja minħabba l-ħbiberija li tezisti bejn l-istess Sunak u Antonio Costa, il-Prim Ministru Portugiż, li wkoll huwa ta’ demm Indjan min-naħa ta’ ommu.

Però, l-akbar uġigħ ta’ ras li għandu Sunak fl-immedjat huwa l-issue ta’ kif sejjer jaffronta l-kontijiet tal-enerġija wara li l-predeċessur tiegħu, Liz Truss, kienet iffriżathom sabiex ma jitilgħux ‘l fuq minn madwar elfejn Lira Sterlina kull sena. Kemm-il darba Sunak ineħħi din il-miżura, ma tantx hemm dubju li l-poplu sejjer iqum kontrih, ħaġa li taf twassal għal elezzjoni generali bikrija, elezzjoni li bħalissa l-Partit Konservattiv mhuwiex f’pożizzjoni li jaffaċċa minħabba li qiegħed kważi 29 punti perċentwali taħt il-Partit Laburista.

Mingħajr dubju ta’ xejn Rishi Sunak huwa l-unika tama għall-Partit Konservattiv li jzomm postu fil-poter sakemm tasal l-elezzjoni ġenerali li baqgħalha kważi sentejn u nofs sakemm tasal. Sunak jaf li mal-ewwel żball politiku li jagħmel, il-poplu sejjer jippretendi elezzjoni ġenerali, elezzjoni li kif diġà għedna bħalissa tkun suwiċidju politiku għall-Partit Konservattiv. Is-sitwazzjoni politika ta’ bħalissa żgur mhijiex sejra tagħmilha faċli għal Sunak li ma jiżloqx fuq xi haga. L-uniku vantaġġ li għandu l-Prim Ministru Ingliż il-ġdid huwa li ħareġ ta’ raġel mal-poplu meta waqt il-kampanja għat-tmexxija kien ippreveda eżatt x’ sejjer jiġri bil-miżuri ta’ Liz Truss. Dan qiegħed jagħti ftit tama lill-poplu Ingliż li Sunak jaf joħroġ lir-Renju Unit mill-kriżi kbira li qiegħed fiha.

Ekonomija

Sport