Wednesday, March 27, 2024

RISPETT LEJN L-UDJENZA

Aqra wkoll

Il-Ħadd li għadda, il-PN organizza laqgħa politika. Din il-laqgħa ssejħet fil-kuntest tal-emenda li ressaq il-Gvern għall-Kodiċi Kriminali bil-għan li jipproteġi l-mara jekk kumplikazzjoni medika fit-tqala tpoġġilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi. Sal-lum jekk professjonist jaġixxi f’dawn iċ-ċirkostanzi jkun qed jissogra l-ħabs u telfien tal-warrant. Saħansitra dan nafu li qalu l-Avukat tal-Istat f’parir li ta. 

Iżda, il-laqgħa ħadet bixra li tmur ferm lil hinn minn din l-emenda. Il-kelliema tkellmu fuq ċirkostanzi u realtajiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li din l-emenda tipprova tindirizza. Intużaw eżempji ħżiena u xi kelliema pprovaw inisslu biża’ bi kwistjonijiet li min jaf l-affarijiet sew jaf bejn tajjeb li l-emenda li propona l-Gvern m’għandha x’taqsam xejn magħhom. Biex ngħiduha sempliċi ntqalu affarijiet li fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-emenda nnifisha jistgħu jissejħu fake news. Issa wieħed jifhem li fuq kull suġġett se jkun hemm opinjonijiet diversi. Hekk ġara fid-dibattitu tad-divorzju. Hekk ġara meta l-pajjiż ġie għar-riformi tal-IVF biex saħansitra jitwieldu aktar ulied u hekk jiġri f’ħafna mil-leġiżlazzjonijiet li jitressqu quddiem il-Parlament. F’demokrazija hekk għandu jkun. Li ma nistgħu naċċetaw qatt hu s-sensazzjonaliżmu li meta tidħol fil-fond tiegħu ssib li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak propost. U hekk ġara l-Ħadd li għadda. Ċertu diskors ifakkarna meta fid-dibattitu tal-IVF tpoġġew żraben tat-trabi barra l-bieb tal-Parlament biex jibagħtu l-messaġġ ta’ kemm se jmutu trabi bl-emendi fil-liġi tal-IVF jekk japprovahom fil-Parlament. Minflok twieldu mijiet ta’ wlied. Hija din it-tip ta’ attitudni li turi wkoll nuqqas kbir ta’ rispett lejn l-udjenza li tkun qed tisma’ u ssegwi li rridu niġġieldu u nikkundannaw. 

Fl-istess ħin imbagħad, kellek attività oħra li kien qed jindirizzaha l-Prim Ministru. L-intervent tiegħu dwar l-istess suġġett nibet minn esperjenza ta’ familja li min għadda minnha ħass li kellu jmur jaqsamha fis-sala u l-Prim Ministru wieġeb. Wieġeb fuq l-emenda. Qal ukoll li jifhem it-tħassib ta’ wħud u l-Gvern qed jisma’ biex fejn u kif possibbli t-tħassib jindirizzah fil-kuntest tal-prinċipji li jemmen fihom il-Gvern. B’dak il-mod wera rispett lejn min kien qed jisimgħu. Mhux għax kull min semgħu se jaqbel miegħu bilfors. Iżda, għax imur f’ras il-għajn u mingħajr tidwir mal-lewża jitkellem fuq il-kwistjoni li għandu quddiemu. Hekk kompla juri l-karateristika li issa tant sar magħruf għaliha; li miegħu tkun taf fejn qiegħed. 

U fl-istess okkażjoni m’għamiliex biss dwar din l-emenda. Hekk għamel f’interventi oħra, fejn saħansitra, anke jekk fuq suġġetti differenti kien lest jgħid lil min kien qed jagħmillu proposta li dik setgħet ma kinitx possibbli għax mhix sostenibbli. Kemm il-darba għamel hekk ukoll dwar suġġetti oħra. 

Din hi attitudni li rridu ninnotawha u nemfasizzawha. Għax hekk tirrispetta lil min ikollok quddiemek, li twieġbu bil-verità u mhux bl-ispin. Hekk nippretendu mill-politiċi tagħna li l-abjad ngħidulu abjad u l-iswed ngħidulu iswed. U dak il-messaġġ li rridu nwaslu llum. Il-messaġġ li d-dibattitu f’din id-demokrazija tagħna, li nħossu li llum hi ħajja aktar minn qatt qabel anke grazzi għal għodda ġdida bħal midja soċjali, ikun ibbażat fuq il-fatti u mhux fuq il-biżgħat bla bżonn li ma jirriżultaw minn imkien jew saħansitra fuq il-populiżmu.

Ekonomija

Sport