Saturday, April 27, 2024

L-irvellijiet fil-Brażil: Il-President Lula jkeċċi l-Kap tal-Armata

Aqra wkoll

Il-President tal-Brażil, Luiz Inácio Lula da Silva, keċċa lill-kap tal-armata tal-pajjiż, ġimagħtejn wara l-irvellijiet fil-kapitali Brażiljana. 

Il-Ġeneral Julio Cesa de Arruda kien ilu jokkupa dan l-irwol sa mit-30 ta’ Diċembru li għadda, jiġifieri qabel intemm il-mandat tal-eks president Jair Bolsonaro. 

Il-President Lula qal li jissuspetta li l-membri tal-forzi armati seta’ b’xi mod kellhom xi involviment mad-dimostranti. Fid-dawl ta’ dan, huwa keċċa wkoll diversi uffiċjali militari.

Kien fit-8 ta’ Jannar meta eluf ta’ partitarji ta’ Bolsonaro daħlu f’bini tal-gvern fi Brasilia wara li rnexxielhom jibqgħu deħlin, mingħajr wisq reżistenza. Bosta uffiċjali tal-pulizija ndarbu f’dawn l-irvellijiet u l-palazz presidenzjali, il-Kungress u l-Qorti Suprema ġew ukoll vandalizzati.

Dakinhar madwar 2,000 persuna ġew arrestati, bi kważi 1,200 minnhom għadhom miżuma taħt arrest. Il-Qorti Suprema qiegħda tinvestiga dak li ġara u ġie rrapportat li Jair Bolsonaro qed ikun inkluż ukoll f’din l-inkjesta.

Min-naħa tiegħu, Bolsonaro ċaħad kwalunkwe involviment jew responsabbiltà għall-irvellijiet li twettqu mill-partitarji tiegħu. 

Sport