Sunday, November 24, 2024

RISPETT TAR-REGOLI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

L-akbar gwaj għall-PN kif narah jien mhux li jibqgħu bil-mexxej li għandhom jew ibiddluh. L-anqas li x’aktarx jitilfu l-elezzjoni li jmiss u forsi anke ta’ warajha. 

L-akbar gwaj hu li tittieħed liema deċiżjoni tittieħed dwar min se jmexxi, id-deċiżjoni tibqa’ se tiġi kkontestata. Kwalunkwe organizzazzjoni biex iżżomm soda trid issostni rispett bejn il-membri tagħha lejn ċerti regoli. Ir-regoli jistgħu jiġu nfurzati bil-qawwa tal-ħlasijiet li jingħataw jew jinżammu – bħal f’kumpaniji kummerċjali fir-rigward tal-impjegati; jew per mezz ta’ lealtà u rispett tar-regoli maqbula, bħal f’għaqda volontarja: partit politiku.

Jidher li dar-rispett intilef fi ħdan il-PN, ħaġa kurjuża għax fl-imgħoddi, kull meta setgħet infetħet qasma fis-swar li jħarsu kull partit politiku, tal-PN għarfu jikkontrollawha. Qed niftakar f’meta Borg Olivier u tliet deputati miegħu vvotaw kontra l-bidliet kostituzzjonali li welldu r-Republika u meta Dr Josie Muscat ġie ċċensurat wara l-elezzjoni tal-1981.

Illum ikun min ikun mexxej tal-PN, iċ-ċansijiet huma kbar li fi żmien qasir, jerġgħu jqumu l-ħalel kontrih/a.  

SPANJA SEJF?

F’temp ta’ ftit ġranet, l-infezzjonijiet tal-corona virus fi Spanja reġgħu tqanqlu bil-kbir u fl-aktar żoni turistiċi. Mir-Renju Unit, ħabbru li dawk li jirritornaw minn mawra sa Spanja se jkollhom jagħmlu kwarantina ta’ ġimagħtejn. U r-Renju Unit hu wieħed mill-aqwa swieq turistiċi ta’ Spanja.

Dil-ġrajja terġa’ tagħti xhieda tal-problema enormi li qed jaffrontaw id-destinazzjonijiet turistiċi. Sakemm jinstab vaċċin effettiv kontra l-corona, il-mistoqsija li se tibqa’ hi: Dal-post fejn sejrin hu safe? U f’das-sens, tista’ tkun tajjeb ħafna llum, u ħażin ħafna pitgħada.

Minkejja l-isforz (li wieħed jifhmu) tal-politiċi biex imewtu l-biżà, mil-lat ta’ marketing, il-mistoqsija dwar fejn hu safe se tibqa’ mdendla qisha sejf fuq id-destinazzjonijiet turistiċi kollha, inkluża tagħna.

DAMU 

Ma fhimtx għaliex kellu jkun hemm dewmien sew qabel tħabbar l-isem tal-ħaddiem immigrant li tilef ħajtu f’binja l-Kottonera. Donnu li l-awtoritajiet ma setgħux minnufih isibu min kien.

Għalija l-ħaġa kellha tkun faċli. Min impjegah kellu jkollu l-informazzjoni kollha dwaru. Mhux l-anqas biex jiżgura li qed jiġu osservati l-liġijiet dwar impjieg, assigurazzjoni soċjali u taxxi.

Wieħed jinnota wkoll kif l-agħa dwar dil-mewt kienet  anqas qawwija milli wieħed seta’ jistenna. Għaliex?

Ma rridx nemmen li dan ġara għax il-mewt kienet ta’ ħaddiem fqir u iswed minn barra. Ħajtu kienet prezzjuża daqs tiegħi u tiegħek, u daqs tal-ħaddiema samranin minn Malta li kienu jemigraw irregolari jew le, lejn l-Awstralja u l-Istati Uniti, fejn kienu jiġu ttrattati ta’ “suwed”.  

Sport