Saturday, December 21, 2024

Ritratt ta’ Churchill misruq fil-Kanada jinstab fl-Italja

Aqra wkoll

Ritratt oriġinali u famuż ta’ Winston Churchill instab fl-Italja wara li kien insteraq minn lukanda f’Ottawa l-Kanada. Ir-ritratt, magħruf bħala “The Roaring Lion” kien ittieħed minn Yousuf Karsh  fl-1941 ftit wara li Churchill għamel diskors fi żmien il-gwerra lill-parlament tal-Kanada.

Nhar l-Erbgħa, il-pulizija ta’ Ottawa qalet li r-ritratt kien instab fil-pussess ta’ kollezzjonist privat f’Genova, l-Italja, li stqarr li ma kienx konxju li r-ritratt kien insteraq.

Uffiċjali ħabbru wkoll l-arrest ta’ raġel minn Powassan, Ontario, b’rabta mas-serqa u l-bejgħ illeċitu. Ir-raġel ta’ 43 sena, li ismu huwa kopert minn projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni, qed jiffaċċja diversi akkużi fil-Kanada, fosthom ta’ falsifikazzjoni, serq, traffikar u ħsara lill-proprjetà. Huwa kien ġie arrestat fil-25 ta’ April u deher fil-qorti f’Ottawa l-għada.

Ir-ritratt juri lil Churchill, il-Prim Ministru Brittaniku fi żmien il-gwerra, fuq l-Għolja tal-Parlament mumenti wara li l-fototgrafu Karsh neħħa sigarru minn ħalq Churchill.

Kien impjegat tal-lukanda Château Laurier li induna l-ewwel li r-ritratt kien ġie mibdul ma’ ieħor fid-19 ta’ Awwissu, 2022. Il-pulizija temmen li r-ritratt kien insteraq xi żmien bejn il-25 ta’ Diċembru 2021 u s-6 ta’ Jannar 2022, fost lockdowns stretti marbuta mal-pandemija tal-Covid 19.

Il-Pulizija qalet li r-ritratt – wieħed mill-aktar ritratti famużi  u li jidher ukoll fuq il-karta ta’ £5 tar-Renju Unit – inbiegħ permezz ta’ dar tal-irkant f’Londra lil xerrej privat fl-Italja. Kemm id-dar tal-irkant kif ukoll ix-xerrej ma kienux konxji li r-ritratt kien misruq.

Is-suspettat ġie identifikat minn rapporti li saru mill-pubbliku u konfermati f’analiżi forensika u bl-użu ta’ “riċerka ta’ sors miftuħ”.

Aktar tard dan ix-xahar, investigaturi Kanadiżi se jivvjaġġaw lejn Ruma biex jattendu ċerimonja li fiha l-kollezzjonista se jirritorna formalment ir-ritratt.

Ir-ritratt se jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija ta ‘Ottawa, lest għall-aħħar pass tal-vjaġġ tiegħu lejn il-lukanda Fairmont Château Laurier, fejn se jerġa’ jintwera bħala ritratt storiku u notevoli.

Ekonomija

Sport