Monday, May 13, 2024

Rivedut it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna

... L-Ekonmija Maltija se tikber b’4%

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur u ġimgħat kellna diversi dikjarazzjonijiet dwar it-tkabbir ekonomika ta’ Malta. Fil-fatt fl-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna matul din is-sena wera li l-ġid nazzjonali se jkun kompla jikber bi 3.7 fil-mija sal-aħħar ta’ din is-sena.

Dan it-tkabbir juri li l-mudell ekonomiku li qed iħaddem pajjiżna llum sa issa kien suċċess minkejja kull sfida li qiegħed jiffaċċa. Jekk nieħdu it-tieni kwart ta’ din is-sena naraw li l-ġid nazzjonali kiber bi 3.9 fil-mija, minkejja l-isfidi li għadhom għaddejjin b’mod partikolari l-inflazzjoni.

Proprju fl-aħħar sigħat kien il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li tkellem dwar l-andament pożittiv tal-ekonomija Maltija u rreveda ‘lfuq ir-rata ta’ tkabbir.
Rapport maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) qiegħed juri biċ-ċar li l-ekonomija Maltija se tibqa’ tikber. Fir-rapport tiegħu l-IMF qiegħed ibassar li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’4 fil-mija u bi 3.5 fil-mija għas-sena 2024.  

Dan l-aħħar rapport tal-IMF ġie ppubblikat ftit jiem biss wara dak mill-Kummissjoni Ewropea, li wkoll qed tantiċipa li l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar rata ta’ tkabbir fost is-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea din is-sena u fis-sentejn li ġejjin.  

Rapport ieħor din il-ġimgħa, dak tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s, jagħti lil pajjiżna ċertifikat ieħor fejn ikkonferma ir-rating A2 bi prospetti stabbli.
Jekk wieħed janalizza ir-rapport isib li l-Fond Monetarju Internazzjonali qiegħed jingħatad ma’ oħrajn li huma tal-fehma li s-sussidji fuq l-enerġija għandhom jitneħħew. Ir-rapport tal-IMF jgħid li l-pajjiż għandu jiffoka kompletament fuq il-qalba ambjentali.  

Ir-rapport jitkellem b’mod pożittiv ħafna dwar il-miżuri li qed jieħu l-Gvern favur l-istabilità finanzjarja u l-ħidma fil-qasam tal-governanza. L-IMF isemmi wkoll il-baġit soċjali għas-sena d-dieħla, li ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Ottubru. Isemmi kif dan introduċa aktar għajnuna lil gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, partikolarment il-pensjonanti, li se jkunu qed jiżdiedu bi €15 fil-ġimgħa.  
 

Sport