Monday, September 16, 2024

ROBERTA

Aqra wkoll

L-iskandlu Qatargate li ftit snin ilu heżżeż l-Parlament Ewropew mis-sisien kien wassal biex ġew introdotti regoli, kodiċi, ġodda ta’ trasparenza għall-Membri Parlamentari Ewropej, fosthom li jridu jiddikjaraw xi potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess li jistgħu jkollhom huma jew qraba tagħhom. Madankollu hija stramba u illoġika għall-aħħar li tali regola torbot lill-Membri Parlamentari Ewropej kollha għajr lil min ikun fil-kariga ta’ President tal-istess Parlament Ewropew, kariga llum okkupata minn Roberta Metsola. Roberta Metsola għamlet enfasi qawwija fuq dan il-punt ta’ trasparenza waqt it-terremot li ħoloq l-iskandlu Qatargate.

Tali stramberija u lloġika ħariġha madwar ġimgħatejn ilu n-‘news portal’ Politico bażat fi Brussel. Stramberija riflessa f’vulkan li żbroffa b’akkużi ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-konfront ta’ Metsola nnifisha. Nuqqas ta’ trasparenza bażat fil-fatt li Metsola ġiet akkużata li ma ddikjaratx il-potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess li jista’ għandu żewġha bħala ‘lobbyist’ għal waħda mill-akbar kumpaniji tal-cruise liners, Royal Caribbean.

Dan irid jitqies ukoll fl-isfond li riċentement ukoll Roberta Metsola ħatret lir-raġel t’oħtha bħala Kap tal-Kabinett. Ħatra li eventwalment kienet diġà riedet tagħmilha sentejn ilu imma twaqqfet milli tagħmilha eżattament minħabba t-terremot li ħoloq l-iskandlu Qatargate. Din id-darba Metsola baqgħet għaddejja bid-deċiżjoni tagħha f’dak li qed jiġi deskritt bħala eżempju klassiku ta’ nepotiżmu.

L-istampa għandha tkun kompleta. Bil-mod li bih tfasslu r-regoli ta’ trasparenza għall-Membri Parlamentari Ewropew, Roberta Metsola ma kinetx obbligata tiddikjara dak li potenzjalment huwa kunflitt ta’ interess kawżat mill-involviment ta’ żewġha. Ma kinetx obbligata tagħmel hekk għax hija tokkupa l-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew.

Huwa eżattament hawn fejn jinsab il-bużilles tas-sitwazzjoni. Roberta Metsola m’għandhiex il-poter, fid-deher, li temenda r-regoli konċernati tat-trasparenza, IMMA M’HEMM XEJN X’IŻOMMHA MILLI HI TIDDIKJARA LI MINKEJJA DAN, U BIEX TKUN TA’ EŻEMPJU, XORTA WAĦDA KIENET SE TIRRINUNZJA GĦAL DAN. Li kieku għamlet hekk, iddikjarat il-possibiltà ta’ kunflitt ta’ interess, kienet toħroġ b’dak li l-Ingliżi jiddeskrievu bħala ‘with flying colours’.

Imma le, ma tarax! Roberta Metsola ma ridetx tmur kontra r-regola li teżentaha! Ma ridetx tagħti eżempju ħażin billi ma timxix mar-regoli!!!! Ma tarax!!! Riedet timxi strettament mar-regoli. Ma naħsibx li kien ikun hawn xiħadd, imqar wieħed, imqar in-news portal Politico, li jattribwilha xi nuqqas bħal dan.

Dan l-argument iwassalni għal waħda mid-deċiżjonijiet ewlenin li ħa Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, fir-rigward ta’ każi potenzjali ta’ korruzzjoni minn Membri Parlamentari. Jidhirli li akkużi f’dan is-sens ma setgħux jittieħdu quddiem il-Qrati jekk ikunu għaddew 10 snin minn meta suppost li jkunu twettqu. Ma nafx, imma ma naħsibx li jien żbaljat, Gvern Laburista kien emenda l-liġi fis-sens li Membru Parlamentari jibqa’ suġġett quddiem il-liġi sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, irrelevanti jkunx għadu Membru Parlamentari, Ministru jew Prim Ministru. Ħaddieħor qatt m’għaddielu minn moħħu li jagħmel affarijiet bħal dawn.

Naħseb li jkun ferm għaqli għall-Gvern Laburista attwali li joħloq Reġistru ta’ Trasparenza fuq il-linji proposti mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li ħidmietu hija mmirata biex jinvestiga ksur ta’ standards etiċi minn Ministri, Membri tal-Parlament u persuni ta’ fiduċja, u jikkontribwixxi għat-titjib ta’ standards ta’ mġiba fil-ħajja pubblika. B’hekk jerġa’ jkun ta’ eżempju.

Imma lura għal Roberta Metsola. Taħsbu li ma kienux iqumu l-irwiefen kollha kieku fil-kariga li tokkupa hi hemm xi ħadd mill-kamp Laburista?!

TAL-AĦĦAR: La darba ebda għaqda non-governattiva, bħal Repubblika, li tant tgħajjat għal trasparenza, saltna tad-dritt, kontabilità u x’naf jien ma talbet għar-riżenja ta’ Metsola allura jien min jien biex nippretendi li Metsola tirriżenja? Li naf żgur hu li t-trasparenza ma tfittix xi toqba mnejn toħroġ biex tevita milli tkun trasparenti. Kemm kien jgħidli sewwa n-nannu Grezzju Manxela: Frans żomm f’moħħok li l-eżempju jkaxkar, imma ftakar ukoll li bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti. Imma Grezzju Manxela huwa n-nannu tiegħi u mhux ta’ Roberta Metsola, għalkemm nassiguraha li ma kienx ikollha minn x’hiex tistħi li kieku kien nannuha wkoll.

Il-każ Stephen Mangion

Il-każ ta’ Stephen Mangion ta’ 55 sena li miet waqt li kien qiegħed jistenna fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-27 ta’ Awwissu li għadda kien fuq fomm kulħadd. Aktar u aktar meta twaddab ħafna tajn fuq is-servizz mediku, l-ewwel permezz tal-midja soċjali minn “Manuel Debono” imbagħad minn min deherlu li forsi seta’ jagħmel kapital politiku mill-każ.

Saret inkjesta dwar il-każ mill-Maġistrat Joseph Mifsud u nhar it-Tlieta li għadda ħareġ ir-riżultat tagħha, b’Rapport Verbal dwarha mifrux fuq 67 paġna. Se nikkwota parti mill-konklużjoni.

Il-Maġistrat Inkwirenti huwa tal-fehma li ma jeżistux raġunijiet biex jittieħdu xi passi kriminali fil-konfront tal-operaturi tas-saħħa involuti fil-każ, anzi jżid jgħid li dawn għamlu dak kollu meħtieġ biex jagħtu servizz professjonali u fiċ-ċirkostanzi jippruvaw isalvaw il-ħajja.

L-allegazzjonijiet li saru u li jolqtu l-mertu tal-inkjesta ma nstabux li huma msejsa fuq il-provi: la tax-xiehda okulari u lanqas dawk dokumentarji.

Dak li sabet l-Inkjesta jikkuntrasta ħafna ma’ dak li kien allegat fil-profil fantażma “Manuel Debono” li ħoloq allarm pubbliku u biża’ bla bżonn. Il-qasam tas-saħħa għandu jibqa’ ‘l bogħod minn polemiċi pubbliċi.

Lil hinn minn dan il-każ mhux sew li f’dan il-pajjiż spiċċajna kulħadd jgħid li jrid u ħadd ma jwieġeb għal għemilu u għal dak li jkun qal meta jirriżulta li kien falz jew kif inhu msejjaħ fake news.

Kemm kellha raġun il-familja ta’ Stephen Mangion meta pubblikament ċanfret lil min kien qiegħed jinqeda bil-mewt tiegħu biex jgħaddu kummenti waqt li huma kienu għaddejjin minn dik il-ġrajja.
Istħu jekk tafu x’inhi mistħija.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport