Wednesday, July 24, 2024

Rubiales se jirritorna fi Spanja mill-Karibew biex jiġi investigat għal korruzzjoni

Aqra wkoll

L-eks president tal-football Spanjol, Luis Rubiales, jgħid li se jirritorna Spanja biex jiffaċċja investigaz­zjoni ġudizzjarja dwar il-ftehim tan-negozju biex issir is-Super Cup Spanjola fl-Arabja Sawdija, qalu uffiċjali tal-qorti nhar il-Ħamis.

Rubiales kien fir-Repubblika Dominikana meta l-Pulizija għamlet rejd fi proprjetà tiegħu fi Granada u fl-uffiċċini tal-Federazzjoni Spanjola tal-Football f’Madrid nhar l-Erbgħa f’investigazzjoni ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Uffiċjali għamlu seba’ arresti. Rubiales ġie identifikat bħala wieħed minn ħames individwi addizzjonali mqiegħda taħt investigazzjoni.

Uffiċjal tal-qorti qal li l-avukat ta’ Rubiales informa qorti bbażata f’Madrid fis-sigħat ta’ wara r-rejds li kien lest li jikkoopera mal-awtoritajiet u kellu pjani biex itir lejn id-dar fis-6 ta’ April, iżda li kien lest li jiġi qabel jekk jiġi mitlub minn imħallef.

L-avukat ta’ Rubiales inkluda kopja tal-biljett tal-ajru tiegħu biex itir lura mir-Repubblika Dominikana. L-uffiċjal tal-qorti tkellem bil-kundizzjoni tal-anonimità għax ma kienx awtorizzat jitkellem pubblikament dwar il-każ.

L-ebda mandat ta’ arrest ma nħareġ mill-qorti għal Rubiales jew xi persuna oħra ta’ interess fil-każ.

L-uffiċċju għall-prosekuturi tal-istat ta’ Spanja qal li nhar l-Erbgħa ġew rrejdjati 11-il post għal dokumenti.

Matul iż-żmien tiegħu bħala president tal-football Spanjol, Rubiales biddel il-format tas-Super Cup Spanjola fl-2020, u ħoloq mini tournament b’erba’ timijiet u mexxa l-kompetizzjoni lejn l-Arabja Sawdija bħala parti minn ftehim li kien rappurtat li kien jiswa €40 miljun għal kull tournament għall-federazzjoni.

Il-prosekuturi fetħu investigazzjoni ta’ dak il-ftehim fl-2022 wara li nstema’ awdjo bejn Rubiales u l-player ta’ Barcelona ta’ dak iż-żmien, Gerard Pique, dwar miljuni ta’ dollari f’kummissjonijiet. Il-kumpanija tad-divertiment sportiv ta’ Pique, Kosmos, kienet involuta fil-ftehim mal-federazzjoni u l-Arabja Sawdija.

Uffiċjal tal-kumpanija sostna li l-ebda impjegat ta’   Kosmos ma ġie miżmum jew tpoġġa taħt investigazzjoni u l-ebda proprjetà tal-kumpanija ma ġiet irrejdjata.

Rubiales rriżenja mill-kariga tiegħu f’Settembru li għadda wara li kkawża skandlu internazzjonali talli bies lill-player ta’ Spanja, Jenni Hermoso, mingħajr il-kun­sens tagħha waqt il-preżentazzjoni tal-midalji wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa li kienet saret fl-Awstralja u New Zealand. Huwa qed jiffaċċja ġuri talli allegatament aggredixxa sesswalment lil Hermoso, għalkemm huwa ċaħad kull att ħażin.

Ekonomija

Sport