Sunday, December 22, 2024

SA FEJN TASAL IR-RIEDA?

Aqra wkoll

Fuq il-karta, kulħadd jew kważi, jaqbel li lest biex jagħmel kull ma jeħtieġ isir ħalli nħarsu lid-dinja li ngħixu fuqha minn diżastru ambjentali bit-tisħin tal-klima. Fil-prattika, meta jiġu biex jitwettqu miżuri konkreti, jqumu diffikultajiet u oġġezzjonijiet, mhux kollha “malizzjużi”.

Dawk pereżempju ta’ gżejjer bħal Malta li jiddependu mill-ajru biex isostnu l-ekonomija tagħhom f’servizzi u mill-baħar biex jissuplixxu l-bżonnijiet tagħhom. Hemm każi oħrajn fejn jinħassu problemi simili, fuq bażi nazzjonali jew reġjonali. 

Il-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima hi waħda essenzjali u tal-akbar importanza. Biss, irid matulha jinżamm kont tal-fatt li l-miżuri li jittieħdu fit-twettiq tagħha ma joħolqux inġustizzji fis-soċjeta (kif uħud minnhom qed jagħmlu jew jistgħu jagħmlu) u bejn il-popolazzjonijiet. 

Ir-rieda politika biex it-taħsir fil-klima jitrażżan għandha l-limiti tagħha li mhux dejjem qed jitqiesu tajjeb minn qabel. Wara kollox, hi waħda mill-imperattivi tad-demokrazija li meta ċ-ċittadini jgħidu ajma, dawk eletti minnhom biex iħarsu l-interessi tagħhom iridu jagħtuhom xi sodisfazzjon.

DWAR DID-DINJA

Dan l-aħħar żewġ aħbarijiet mhux politiċi kienu ta’ interess liema bħalu għalkemm mhux kulħadd ta kashom. It-tnejn ġabuna wiċċ’imb wiċċ ma’ x’nafu tassew dwar id-dinja li fiha ngħixu: kemm nafu – jew ma nafux dwarha.

L-ewwel aħbar kienet dwar sistema kbira ta’ rħula u bliet li eżistew fiż-żona tax-xmara Amazon, inqerdu u llum il-fdalijiet tagħhom jinsabu mirduma taħt il-ġungli. Kellhom ċiviltà avvanzata sew.  Kull tifkira tagħhom intesiet għal kollox.

It-tieni aħbar kienet dwar organiżmi ġodda li qatt ma nstabu qabel u li jgħixu fil-qigħan l-aktar profondi tal-art. Ir-rabta – jekk hemm waħda – bejn kif żviluppaw hemm “isfel” u l-ħajja veġetali u animali li ddawwarna fil-wiċċ tad-dinja mhijiex magħrufa.

Inħarsu lejn il-kwiekeb biex nistagħġbu kemm għad baqagħna xi nsiru nafu dwar l-univers imma l-istess ħaġa tgħodd ukoll mid-dehra għall-pjaneta tagħna.

KONSULTAZZJONI

Jissemmew ta’ spiss il-konsultazzjonijiet li skond il-kostituzzjoni jridu jsiru bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni meta jiġu biex isiru ċerti ħatriet. Il-mistoqsijia dejjem kienet: Kif għandha titwettaq konsultazzjoni?

Fis-snin li b’xi mod kont involut f’dal-proċess, kien jieħu dil-forma: Il-Prim Ministru jibgħat għall-Kap tal-Oppożizzjoni u jgħidlu x’se tkun id-deċiżjoni tal-gvern dwar il-ħatra konċernata. Il-kap tal-gvern jisma’ x’għandu xi jgħid l-ieħor dwar il-ħatra u jibqa’ għaddej bil-proposta tiegħu.

Dil-proċedura li tħaddmet bla waqfien rari ġiet kontestata b’xi saħħa. Fil-fond, kull naħa kienet konfortabbli biha sakemm tkun hi fil-gvern. Imma kulħadd kien jaqbel li l-proċess kollu kif baqa’ jsir xejn ma jaqbel ma kif tassew għandha tinżamm konsultazzjoni.

18 ta’ Jannar 2024

Ekonomija

Sport