Tuesday, December 24, 2024

SAJF IEĦOR POŻITTIV GĦAT-TURIŻMU

Aqra wkoll

Il-politika ta’ diversifikazzjoni fis-settur tat-turiżmu konkretament qed tħalli r-riżultati. Dan qed ikun rifless fl-għadd ta’ turisti li jaslu f’pajjiżna, anka f’dan il-perjodu tas-sajf li issa wasal biex jintemm. L-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi proprju dan tant li f’Lulju li għadda waslu f’pajjiżna kważi 390,000 turist, 18% aktar milli ġew fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Dan juri wkoll is-saħħa tat-turiżmu bħala pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Imma riżultati bħal dawn ma jaqgħux mis-sema. Warajhom ikun hemm il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna barra bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett hemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li qed tiffoka l-ħidma tagħha biex jiġu attirati turisti mill-Ewropa u anke lil hinn. Hawn tajjeb li nsemmu li din l-awtorità qiegħda wkoll tfakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Awtorità li s-suċċess tagħha huwa dovut għall-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha li ħadmu fiha, kemm fil-passat u anke fil-preżent. Filwaqt li ħadmet ukoll biex tkompli taġġorna l-istrateġija tagħha u anke twessa’ l-pakkett turistiku ta’ Malta, ibbażat fuq kwalità ogħla u sosenibbiltà.

Intant, il-qawwa tat-turiżmu qed tirrifletti wkoll fl-għadd ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport. Biss biss, f’Awwissu, għaddew aktar minn 983,000 passiġġier, li jikkonferma li dan kien l-aktar xahar impenjattiv fl-istorja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Apparti hekk, fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, qabżu s-6 miljuni l-passiġġieri li għaddew mill-ajruport, żieda sostanzjali ta’ 16.3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

B’dan kollu f’moħħna nistgħu ngħidu li dan kien sajf ieħor ta’ suċċess li jimlina bil-fiduċja li s-settur turistiku f’Malta mhux biss qed jikkontribwixxi sostanzjalment għall-ekonomija imma wkoll li jikkonsolida lilu nnifsu kif ukoll li jattira turisti ta’ kwalità. Għalhekk il-ħtieġa li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku għandha tibqa’ hemm, u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri.

Ekonomija

Sport