Wednesday, April 24, 2024

“Salvu ta’ Ħal Kirkop” jirbaħ il-każ mal-Kunsill ta’ Ħal Kirkop

“L-organi tal-gvern m’għandhomx jedd ta’ azzjoni għal malafama”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Salvu Debono magħruf sew f’Ħal Kirkop rebaħ il-każ li kellu mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop. Il-każ kien jirrigwarda ittra li Debono kien kiteb fil-ġurnal L-ORIZZONT dwar telqa f’Ħal Kirkop. Debono li hu anzjan, u kien ukoll iservi fil-kunsill, argumenta li dak li sostna fl-ittra kien diskors aċċettabbli f’soċjetà demokratika u eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni kif dikjarata mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea tad- Drittijiet tal-Bniedem jiġifieri skond il-liġi li tindika l-importanza tal-istampa ħielsa.

Il-Qorti qalet li l-persuna aggravata f’din l-azzjoni għal malafama huwa l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop. Il-Qorti iddikjarat li stqarrijiet m’humiex diffamatorji sakemm ma jikkawżawx ħsara serja jew ikunu jistgħu jikkawżaw ħsara serja lir-reputazzjoni tal-persuna jew persuni speċifiċi li jagħmlu t-talba. L-istess dispożizzjoni legali mbagħad tipprovdi li fil-każ li l-persuna aggravata bl-istqarrijiet allegatament diffamatorji, tkun korp li jopera għal profitt, il-ħsara lir-reputazzjoni ma titqiesx li hija ħsara serja sakemm ma tkunx ikkawżat jew tkun ser tikkawża telf finanzjarju serju.

Il-Qorti tenniet li fil-każ li għandha quddiemha l-Qorti, il-persuna aggravata b’dawn l- istqarrijiet la hi ċittadin privat jew persuna pubblika li soffriet ħsara serja lir-reputazzjoni tagħha, u lanqas m’hi korp li jopera għal profitt li ġarrab telf finanzjaru serju b’riżultat tal-allegat malafama. Fil-fatt huwa l-Kunsill Lokali, li huwa fergħa tal-Gvern Lokali. Il-Qorti tqis, b’mod ġenerali, li l-Gvern, diversament minn persuna naturali, m’għandux reputazzjoni li tista’ tiġi skreditata moralment f’għajnejn is-soċjetà in ġenerali b’riżultat tal-pubblikazzjoni ta’ stqarrijiet diffamatorji.

Il-Qorti tiddikjara li “l-Gvern m’huwiex persuna privata. Huwa minnu li l-liġi tal-malafama tapplika għal soċjetajiet u korpi oħrajn li joperaw bi qligħ, anke jekk l-attività li tiġġenera l-profitt tkun tifforma biss parti żgħira mill-operazzjonijiet tal-korp: dan biex jiġi tutelat is-suċċess kummerċjali u l-vijabbilità ta’ kumpanniji għall-benefiċċju tal-azzjonisti u impjegati kif ukoll is-soċjetà in ġenerali. Iżda l-Gvern m’huwiex lanqas entità kummerċjali jew korp li jopera għal profitt u m’għandux ishma jew assi oħrajn b’valur kwantifikabbli li jista’ jsofri deprezzament f’termini monetarji u jwassal allura għal telf jew diminuzzjoni fil-finanzi tiegħu minħabba l-pubblikazzjoni ta’ xi stqarrija malafamanti”.

Tikkwota sentenza tal-Qorti fir-Renju Unit u tgħid li “l-organi tal-Gvern m’għandhomx jedd ta’ azzjoni għal malafama. Dan mhux tant għax il-prospett ta’ ħsara huwa kompletament ineżistenti, iżda għax l-eżerċizzju ta’ jedd bħal dak minn istituzzjonijiet tal-gvern li jkunu demokratikament eletti, huwa meqjus mhux biss bħala inkonsistenti mal-ispirtu u l-prinċipji bażilari tal-liġi tad- diffamazzjoni, iżda wkoll bħala mezz li bih jiġi mminati l-jedd tal-libertà tal-espressjoni. Jedd li jassumi importanza fondamentali f’dibattiti dwar materji ta’ interess pubbliku, liema materji, bħalma huwa magħruf, jinkludu.

Tgħid li ‘filfatt, il-Qorti taqbel li jekk il-fondi tal-Istat, li huma wara kollox derivati minn xejn inqas mit-taxxi mħallsin mill-poplu, ċittadini tal-Istat, jitħallew jintużaw biex jitressqu azzjonijiet għal malafama kontra dawk l-istess ċittadini għax ikunu kkritikaw jew ikkundannaw l-amministrazzjoni pubblika, anke jekk inġustament, dan ikun jikkostitwixxi interferenza gravi fil-jedd tal-espressjoni libera tal-opinjoni. Hija wkoll tal-fehma illi dan il-prinċipju għandu jsib applikazzjoni stretta f’każijiet fejn l-istqarrijiet impunjati jikkonċernaw il-funzjonijiet amministrattivi tal-awtorita’ pubblika jew governattiva, fosthom l-infiq u l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi allokati lilha.”

Il-Qorti tgħid li “l-ittra pubblikata fil-gazzetta L-ORIZZONT, intestata “Kunsill, abbandun u flus moħlija”, Debono jilmenta li mhux qed isir l-infiq li jeħtieġ għall-manutenzjoni ta’ faċilitajiet u spazji pubbliċi kif ukoll street furniture fil-lokalità ta’ Ħal Kirkop u kollox jinsab fi stat ta’ abbandun u żdingar. Hu jistaqsi: “possibbli l-ministru responsabbli mill-kunsilli lokali m’għandux spetturi tekniċi u finanzjarji biex iħares l-infieq li jsir mit-taxxi tal-poplu?”. Qal ukoll li “nispera li ma tibqax is-sistema tal-politiċi li jżuru r-raħal fl-aħħar ħmistax qabel l-elezzjoni għall-voti biss. Nittama fuq kollox li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb li ma jibqax l-abbandun li qed jirrenja f’raħalna.”

Il-Qorti tqis li għalkemm il-Kunsill Lokali ma jifformax parti mill-Gvern Ċentrali u mhuwiex, effettivament, organu tal-Gvern Ċentrali, jgħoddu għalih l-istess prinċipju li la l-Gvern u lanqas dipartimenti tal-Gvern, fosthom dawk li għandhom status ta’ korporazzjoni, m’għandhom l-interess ġuridiku meħtieġ biex iressqu azzjoni għal malafama”.

Sport