Monday, May 13, 2024

Se jiftħu kawża ta’ libell fil-konfront tal-Professur Kevin Cassar

Aqra wkoll

L-Avukat Andy Ellul, flimkien mal-MEP Alex Agius Saliba u Karl Stagno Navarra se jkunu qed jiftħu kawża ta’ libell fil-konfront tal-Professur Kevin Cassar.

Dan wara li fi blogg, Prof. Kevin Cassar kiteb li Andy Ellul, Karl Stagno Navarra, u Alex Agius Saliba, li fi kliemu huwa l-agħar fosthom, komplew ixewxu.

Fil-blogg, Prof. Cassar qal dawn il-kliem wara li skontu Agius Saliba tella’ ritratt manipulat tiegħu bl-iskop li jżebilħu u jidentifikah bħala l-mira.

Prof. Cassar żied jgħid: “Dawn tattiċi tan-Nazisti kontra l-Lhud. Pinġewhom f’karikaturi bħala monstri koroh, bla qalb, viljakki, – bħala inqas minn bnedmin. Pinġewhom bħala għedewwa perikolużi tal-poplu. Agius Saliba għamel l-istess.”

Prof. Cassar kompla jikkritika lil Agius Saliba fosthom billi qal li kien ilu jikkalpesta lil Caruana Galizia. Qal ukoll li Agius Saliba jaf x’inhu tgħajjir u jaf ukoll kif tintimida lil xi ħadd.

Kiteb li Agius Saliba, Andy Ellul u Stagno Navarra u ONE għamlu ta’ bir-ruħhom li tkażaw b’kelma waħda f’artiklu tiegħu. Iżda Prof. Cassar żied jgħid li l-uniku skop tagħhom kien li jintimidaw, iwerwru u jsikktu  lil dawk kollha li jikkritikaw lill-Labour billi jxewxu lis-segwaċi u jkebbsu l-ostilità.

B’reazzjoni ta’ dan, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, l-Avukat Andy Ellul qal: “Ma jistax ikun nibqgħu nħalluhom jgħaddu kumment malafamanti qisu xejn m’hu xejn.”

Anke l-MEP Agius Saliba kkummenta fuq il-midja soċjali fejn qal li: “Ħaten Beppe Fenech Adami jaħseb illi jista’ jivvinta, jigdeb u jgħajjar kif irid u lil min irid biex mingħalih jagħlaq ħalq min ma jaqbilx mal-kitba odjuża tiegħu.”

Żied jgħid: “Sa minn età żgħira qatt ma bżajt ngħid u nikteb dak illi nħoss u sa minn meta konna tfal l-għalliema dejjem widdbuna sabiex nivverifikaw qabel nirrepetu dak illi naqraw.”

Sport