Wednesday, October 9, 2024

Se jiġi deportat wara li jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq droga

Aqra wkoll

Somalu li nqabad mill-Pulizija jfittex id-droga fil-ħaxix f’parkeġġ f’San Ġiljan se jiġi deportat wara li jiskonta s-sentenza tiegħu.

Hussein Abdullahi Jama ta’ 28 sena residenti l-Marsa, kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih meta tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mad-droga.

Kien fis-7 ta’ Settembru li għadda meta l-pulizija li kienu qed jagħmlu ronda fl-inħawi ta’ Triq San Ġorġ, San Ġiljan, lemħu lir-raġel jaġixxi b’mod suspettuż ifittex fil-ħaxix ta’ parkeġġ. 

L-Ispettur Mark Cremona spjega fil-Qorti kif din iż-żona hi magħrufa sew għall-attività relatata mat-traffikar ta’ droga. Intqal li l-uffiċjali tal-Pulizija kienu rawh jiġbor xi ħaġa minn mal-art u jpoġġiha taħt il-flokk. 

L-uffiċjali avviċinaw lill-imputat u saret tfittxija fuqu fejn instab fil-pussess ta’ borża sewda li kien fiha 38 qartas bi trab abjad, li aktar tard irriżulta li kienet kokaina. Dawn il-qratas dehru li kienu lesti għat-traffikar.

Minn tfittxija li saret fir-residenza tiegħu, instabu qratas vojta, oġġetti oħra relatati mad-droga u diversi mobile phones.

Huwa kien tressaq il-Qorti mixli bil-pussess tad-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u li allegatament wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn post li jkun iffrekwentat miż-żgħażagħ.

Huwa kien irreġistra ammissjoni u l-każ kien differia għas-sentenza. Meta reġgħet issejħet il-kawża biex tingħata l-piena, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet kunsiderazzjon tan-natura tar-reati, l-ammont tad-droga, il-karattru tal-imputat u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, inkluż l-ammissjoni bikrija tiegħu. 

Il-Qorti kkundannatu piena ta’ sena priġunerija u multa ta’ €500. F’konformità mal-Att dwar l-Immigrazzjoni, il-Qorti ordnat ukoll lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex jeżerċita s-setgħat kollha tiegħu sabiex il-ħati jkun deportat wara li jkun skonta s-sentenza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport