Friday, May 17, 2024

Se jsiru kliniċi apposta għal dawk il-pazjenti bil-long Covid

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza attività politika minn ġewwa s-Siġġiewi, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar il-pandemija u ħabbar li jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja, se ssir klinika għal dawk il-pazjenti li huma bil-long Covid.

Tkellem ukoll dwar dawn is-sentejn ta’ pandemija fejn kellhom jieħdu deċiżjonijiet ħafna drabi diffiċli, pero neċessarji.

“Għaliex ħadna dawn id-deċiżjonijiet neċessarji, illum wasalna f’punt fejn prattikament ersaqna kompletament lejn in-normalità, u ż-żmien tana parir li d-deċiżjonijiet li ħadna f’dawn is-sentejn kienu deċiżjonijiet tajbin. B’hekk pajjiżna qiegħed f’sitwazzjoni fejn il-pandemija ħerġin kompletament minnha u nistgħu nkomplu għaddejin b’ħajjitna,” qal Dr Fearne filwaqt li rringrazzja lill-front liners ta’ kemm ħadmu b’dedikazzjoni u għaqal.

“Ħarġuna ta’ nies f’Malta u anke mad-dinja kollha. Pajjiż ċkejken li d-dinja kollha tagħraf li kien wieħed mill-aħjar pajjiżi li mexxa matul din il-pandemija.”

Qal li l-effetti tal-pandemija jibqgħu jkarkru mhux biss fuq l-ekonomija imma anke fuq is-saħħa tan-nies, kemm mil-lat ta’ saħħa mentali kif ukoll sfortunatament hawn min għax għadda mill-Covid baqa’ jbati minn kundizzjonijiet fiżiċi – dik li jgħidulha long Covid.

Hawnhekk ħabbar li jekk il-poplu jtihom fiduċja fis-26 ta’ dan ix-xahar, se jagħmlu klinika għal dawk il-pazjenti bil-long covid biex b’hekk ikunu jistgħu jagħtu servizz lill-mijiet ta’ pazjenti li għaddew minn din il-kundizzjoni.

“Se jkollna klinika ġewwa Mater Dei, klinika ġewwa Għawdex u minn hawn u ftit xhur oħra se jkun hemm klinika ġewwa Raħal Ġdid ukoll ladarba jiftaħ iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran,” qal Dr Fearne.

Fil-bidu tad-diskors, Fearne beda biex ikkwota lill-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li qal li fl-aqwa tiegħu rebħilhom aktar  minn elezzjoni waħda. Innota kif kien jgħidilhom biex ma jagħtux każ x’jiġri fil-meetings, fil-pjazez jew is-surveys, imma għandhom jagħtu każ biss ta’ dak li n-nies ikunu qed jiżnu fis-skiet ta’ darhom fejn jagħmlu l-ġudizzjoni ta’ min qed jgħid il-verità u min qed jipprova jidħak bin-nies.

“Dak il-ġudizzjoni qed nara li n-nies qed jagħmluh. Fis-skiet ta’ darhom in-nies qed jaraw illi l-Partit li qed jgħid il-verità huwa l-PL u dak li qed jipprova jidħak bin-nies huwa l-PN,” qal Fearne.

Innota kif il-proposti tal-PL in-nies qed jifmuhom u li għandhom fiduċja li dak li jgħid il-PL se jagħmlu. Qal li għall-ħames snin li ġejjin mhux qed jipproponu aktar milli jafu li jistgħu jagħmlu imma dak li jwiegħdu se jwettquh.

Aqra iktar:

Sport