Monday, September 30, 2024

“Se nibqgħu ngħinu lin-nies”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Se nibqgħu ffukati biex ngħinu lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, filwaqt li nibqgħu nindirizzaw l-isfidi tan-nies u li nkunu viċin tagħhom.” Hekk stqarr il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza numru ta’ persuni li attendew għall-open day li qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Il-Prim Ministru fakkar li ftit jiem oħrajn, propju fl-1 ta’ Frar se jidħol fis-seħħ it-tielet patt soċjali fejn dan se jwassal għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel essenzjali u dan quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.

Il-Mexxej Laburista qal li din stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel se tidħol fis-seħħ wara ftehim li kien hemm ħafna qegħdin jgħidu li imposibbli li jsir. Dr Abela qal li dan il-ftehim juri biċ-ċar li Gvern Laburista ma jħalli lil ħadd waħdu.

Irrefera wkoll għas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż fejn qal li Malta tinsab għaddejja b’rittmu b’saħħtu ħafna u dan l-istess kif kien imwiegħed mill-Gvern qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Qal li dan jixhduh ir-rapporti ekonomiċi li jinħarġu kontinwament dwar pajjiżna.

Il-Prim Ministru qal li hija xi ħaġa importanti ħafna li l-ekonomija ta’ Malta tibqa’ għaddejja b’saħħitha għax b’hekk il-Gvern qed u se jibqa’ jkun ġust ma’ kulħadd. Qal li ddaħħlu diversi miżuri maħsubin biex jgħinu kemm lill-pensjonanti, liż-żgħażagħ u lill-familji.

Dr Abela qal li ħaddieħor kompla jaqta’ qalb in-nies bin-bin-negattività, iżda Gvern imexxi minnu baqa’ jaħdem biex iwettaq affarijiet li ħaddieħor qal li huma imposibbli. Dan kollu qiegħed jissarraf fl-akbar ġid nazzjonali u kulħadd qiegħed igawdi minnu minkejja l-isfidi internazzjonali li hemm bħalissa madwar id-dinja kollha.

“Qegħdin hawn, bħala Partit magħqud, u dan hu r-riżultat ta’ partit magħqud li jagħti r-riżultati. Min-naħa l-oħra hemm Partit Nazzjonalista li hu mifrud b’diversi fazzjonijiet,” qal l-Prim Ministru.

Waqt l-Open Day il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-istorja li għandu l-Partit Laburista li ukoll tinsab fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Tenna li l-Partit Laburista mit-twaqqif tiegħu ħadem favur il-bidliet u r-riformi u dan hekk kif kienet il-viżjoni ta’ missirijietna.

Sport