Saturday, May 10, 2025

‘Se nuża l-istamina u l-enerġija fiżikament u mentalment b’determinazzjoni kbira biex nilħaq il-għan li se mmur għalih ġewwa Napli … li nagħmel unur lil Malta’ – Rachel Portelli

Aqra wkoll

Rachel Portelli hija mudella Għawdxija ta’ 24 sena minn Nadur. Hija studenta fil-kors tal-ACCA u taħdem fil-qasam tal-Finanzi. 

Dan is-sit tkellem ma’ Rachel innifisha fejn tatna iktar dettalji rigward kif qed tipprepara għall-konkors Miss Europe Continental 2025 f’Novembru li ġej.

Qatt u qatt ma kont noħlom li se nidħol fid-dinja tal-immudellar, iktar u iktar nikkontesta f’konkorsi tas-sbuħija, peressli min dejjem kont tfajla sportiva speċjalment fil-futbol. Kien kaġun ta’ korriment serju fi rkobbti li waqaft mill-futbol u dħalt fid-dinja tal-immudellar. Illum il-ġurnata ilni tmien snin f’dan il-qasam fejn irbaħt titli f’konkorsi tas-sbuħija lokali kif ukoll internazzjonali.

Fi Frar li għadda ġejt avviċinata minn Elena Spina, waħda mit-tim tat-Talent Scout – Miss Department ta’ Miss Europe Continental – konkors Internazzjonali tas-sbuħija mibni bil-għan li jsaħħaħ is-sbuħija femminili kif ukoll il-kulturi differenti tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni.  Ibbażata fuq l-aħħar Trends fil-moda u ċ-ċinema, dan il-konkors jissottolinja s-sbuħija, intellett fuq livelli vasti, kulturali u turistiċi. 

Dak iż-żmien ħassejtni bejn ħalltejn naċċettax jew le, għax ftit taż-żmien qabel kont ħadt deċiżjoni li nieħu pawża qasira mill-kompetizzjonijiet biex niffoka iktar fuq il-karriera tiegħi. Iżda din hija opportunita unika li diffiċli tirrifjutaha. Wara tliet ġimgħat ta’ ħsibijiet, iddeċidejt li naċċetta din il-proposta, u b’hekk ftit tal-ġimgħat ilu ħabbart li se nkun l-ambaxxatrici ta’ Malta f’Miss Europe Continental 2025. Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni se tkun fis-27 ta’ Novembru 2025 – konkors prestiġjuz għat-titlu Miss Europe Continental fejn se jkunu qed jipparteċipaw 60 pajjiż. Inħossni onorata għal darb’oħra li ġejt magħżula u mogħtija opportunitá unika li nirrapezenta lill-Malta f’konkors internazzjonali tas-sbuħija. 

Din se tkun it-tieni opportunitá tiegħi fil-karriera tal-moda fejn se nkun qiegħda nirrappreżenta lil Malta fuq pjattaforma internazzjonali. L-ewwel kompetizzjoni tiegħi internazzjonali kienet dik lura fis-sena 2022 ‘The Look of the Year’ fejn irnexxieli nirbaħ it-titlu tal-ewwel post ta’ Look of the Year Gold 2022. 

L-emozzjonijiet huma enormi, vasti u intensivi peró se nuża l-istamina u l-enerġija fizikament u mentalment b’determinazzjoni kbira biex nilħaq il-għan li se mmur għalih ġewwa Napli … li nagħmel unur lil Malta. Il-preparamenti għal dan il-vjaġġ tant prestiġjuz għaddejjin bla waqfien, biex b’hekk meta jasal iż-żmien inkun preparata minn kull lat. 

Inħossni kburija li qed jerġa’ jkolli ċ-ċans nuri l-kapaċitajiet tiegħi fix-xena tal-immudellar għaliex dan għalija personali huwa meqjus bħala l-ikbar passjoni tiegħi. Sfortunatament fil-ħajja dejjem se tiltaqa’ ma’ xi ostakli, u iva kelli mumenti fejn waqaft nemmen fija nnifsi. Iżda llum il-ġurnata tgħallimt li meta tieqaf temmen fil-kapaċitajiet tiegħek, dak huwa l-ikbar żball. Illum jiena għandi diterminazzjoni kbira u nemmen fil-kapaċitajiet tiegħi u lesta li nkompli naqsam u nuri dan matul il-karriera tiegħi tal-moda. 

Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil J.Portelli Projects li huwa l-isponsor ewlieni mhux f’din il-kompetizzjoni biss imma matul il-karriera tal-immudellar tiegħi. Grazzi lil Josette Fava minn DOR Boutique u Yvonna Casha li dejjem ħaduli ħsieb u se jibqgħu, għall-għażla ta’ ħwejjeġ matul dan il-vjaġġ. Ma nistax ma nsemmix lil għażiża ommi tas-sapport kontinwu tagħha. Grazzi kbira minn qalbi, ma! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport