Friday, May 3, 2024

Se tinbena pump room ġdida sabiex jissaħħan l-ilma tal-pixxina biex tintuża fix-xitwa wkoll

Investiment ta' €300,000 fil-pixxina tal-Waterpolo f’Birżebbuġa

Aqra wkoll

Wara li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi ħa ħsieb il-bini mill-ġdid tal-pixxina tal-Waterpolo f’Birżebbuġa, issa ser titkompla fażi oħra ta’ dan il-proġett permezz ta’ bini ta’ pump room ġdida fl-istess kumpless li permezz ta’ teknoloġija moderna se tkun qed issaħħan l-ilma ta’ din il-pixxina sabiex tkun tista’ tintuża anke fix-xhur tax-xitwa. Qal dan is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħolijiet Pubbliċi u l-Klabb tal-Waterpolo ta’ Birżebbuġa.

Is-Segretarju Parlamentari spjega l-investiment b’saħħtu li sar f’dan il-kumpless sportiv. Huwa qal li l-pixxina l-antika kienet ilha mitluqa għal diversi snin u fi stat li interventi ta’ manutenzjoni ma kienux biżżejjed biex din tilħaq il-livell aċċettabbli. Għaldaqstant id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi kien ħa l-inkarigu ta’ dan il-proġett ambizzjuż u bena mill-ġdid pixxina tal-ilma ħelu biex in-nies tan-nofsinhar tal-pajjiż issa għandhom post ieħor fejn jipprattikaw l-isport tal-għawm u l-waterpolo.

“Permezz ta’ dan il-ftehim se mmorru pass oltre minn hekk u issa t-tfal u ż-żgħażagħ ta’ dan il-klabb se jkunu qed jitħarrġu f’pixxina b’faċilitajiet mill-iktar moderni anke fix-xhur xitwin f’temperaturi baxxi. Proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti li qed nagħmlu fil-komunitajiet tagħna biex flimkien inkomplu nwettqu u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Barra minn hekk, ser tinbena wkoll gverta li tkun tista’ tgħatti l-pixxina kollha ħalli meta ma tkunx qed tintuża ma tintilifx s-sħana u b’hekk tkun aktar effiċjenti.

Il-President tal-Klabb tal-Waterpolo ta’ Birżebbuġa Jason Bonnici rringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna kollha f’dan il-proġett. Huwa qal li din il-pixxina issa se tkun tista’ tintuża matul is-sena kollha u permezz ta’ dan l-investiment bħala klabb se jkunu qed jattiraw iktar tfal biex jibdew jipprattikaw kemm l-isport tal-għawm u kif ukoll tal-waterpolo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport