Sunday, December 22, 2024

Se titlaqqa’ l-ewwel edizzjoni tal-Konferenza Diġitali f’ Malta f’ Ġunju li ġej

Il-Konferenza se tospita kelliema barranin fosthom minn Booking.com

Aqra wkoll

Il-Malta Institute of Management; il-MIM, flimkien ma’ Maltapoint Ltd u Mediahut Soultions Ltd se jkunu qed jorganizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Konferenza Diġitali f’ Malta, fil-25 ta’ Ġunju li ġej. Matulha se jiġu diskussi t-temi tal-intelliġenza artifiċjali u elementi diġitali oħra li kull ma jmur qed jaffetwaw il-mod kif noperaw u naħsbu.

Il-Ministru għal-Ekonomija Silvio Schembri se jkun qed jindirizza din il-Konferenza. Huwa saħaq li ‘Permezz ta’ din il-Konferenza se nkunu verament qed nuru l-irwol ta’ Malta f’ dan is-settur, u kemm pajjiżna huwa ta’ mudell għal-pajjiżi oħra. Il-kelliema barranin li se jkunu qed jiġu għal din-Konferenza huwa turija ċara li pajjiżna għadu jatratta l-investiment fis-settur diġitali; settur li joffri karrieri ta’ kwalita` lill-ħaddiema tagħna’.

L-Awtorita` Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali; MDIA, kif ukoll TechMT li l-għan tagħha huwa li tkompli timbotta ’l quddiem dan is-settur fl-ekonomija tagħna, esprimew s-sodisfazzjon tagħhom li se tkun qed titlaqqa’ din il-Konferenza u kkonfermaw il-parteċipazzjoni u s-sapport tagħhom, bħala sponsors prinċipali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat rrimarka li ‘ix-xoghol tal-MDIA għaddej b’ ritmu mgħaġġel sabiex inkomplu nassiguraw l-irwol ta’ Malta f’ dan is-settur fuq il-livell globali’. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ TechMT Wayne Grixti spjega li din il-Konferenza tikkumplimenta l-operat ta’ TechMT hekk kif is-settur diġitali jkompli jkun parti mill-aġenda nazzjonali u nibqgħu nesploraw it-tibdil u l-impatt ta’ dan is-settur, il-karrieri u l-kwalita` tal-ħajja li jġib miegħu’.

Il-kelliema barranin jinkludu lil Sanchit Juneja, Direttur tal-Prodott minn Booking.com, Peter Oakes minn FintechMalta.com u FintechUK.com, u Saleem Qureshi minn Lincoln Method.

Se jiġu trattati temi bħal intelliġenza artifiċjali u r-realta li qed ngħixu fiha fuq livell internazzjonali u anke dak lokali, fejn wasal pajjiżna fil-qafas legali, u x’ qed jgħidu l-akkademiċi. Temi oħra huma l-ekonomija l-ħadra, l-innovazzjoni diġitali, ir-riċerka li għaddejja f’ dan il-qasam u anke l-irwol ta’ dan kollu fl-industrija u l-manifattura anke f’ Malta.

L-avveniment se jkun qed iseħħ ġewwa l-lukanda Corithia San Ġorġ, u wieħed jista’ jirreġistra fis-sit conferencemalta.com. Is-sit joffri iktar dettall dwar il-programm tal-ġurnata kif ukoll il-kelliema li se jkomplu jiġu mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin.

Ekonomija

Sport