Nhar is-Sibt 2 u l-Ħadd 3 ta’ Novembru, it-toroq fil-qalba tar-Rabat se jerġgħu jiddawlu filwaqt li jinfetħu beraħ il-bibien tal-knejjes u tal-mużewijiet li hi mogħnija bihom din il-lokalità storika, hekk kif ser tkun qed tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Rabat Sacrum.
Il-Kunsill Lokali tar-Rabat b’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet governattivi u l-għaqdiet tar-Rabat se jkunu qed idawlu t-toroq Rabtin filwaqt li jesebixxu t-teżori li hemm fil-knejjes u fil-mużewijiet li jinsabu f’din il-lokalità. Apparti minn hekk, se jsiru diversi reenactments, u se jkun hemm ukoll kunċerti, ikel tradizzjonali, esebizzjonijiet u infjorata.
Id-dettalji dwar din l-attività ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-avveniment li huwa parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna, mhux biss se juri t-teżori li hu mogħni bihom ir-Rabat u dak kollu konness miegħu, iżda wkoll juri l-impenn u r-rieda tal-kunsill lokali li jorganizza avvenimenti fuq skala daqshekk kbira u professjonali.
“Permezz tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u entitajiet diversi oħra Rabtin jistgħu jesebixxu t-talent tagħhom f’attività ta’ livell għoli, u li apparti minn hekk, tagħmel ġieħ kemm lir-Rabat u anke lil pajjiżna, kif ukoll lir-Rabtin u t-talenti tagħhom. Bħala Gvern qed inkunu ta’ spalla mal-kunsilli lokali, f’dan il-każ tar-Rabat, sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet bħal dawn u li jqarrbu lill-kunsill lokali lejn iċ-ċittadini kemm tal-lokalità u anke dawk barra mil-lokalità u lit-turisti,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia enfasizzat li avvenimenti bħal dik ta’ Rabat Sacrum joffru pjattaforma unika fejn id-diversità kulturali u storika tar-Rabat tista’ tiġi ċċelebrata minn kulħadd. “L-inklużjoni hija ċ-ċavetta biex inressqu iktar il-komunitajiet lejn xulxin, u attivitajiet bħal dawn mhux biss isaħħu s-sens ta’ kburija lokali, imma jippromwovu wkoll is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni attiva bejn ir-residenti u l-voluntiera. Din l-attività se sservi wkoll ta’ vetrina biex persuni b’diżabilità mill-Aġenzija Sapport juru u jbigħu prodotti maħdumin bl-idejn”, sostniet il-Ministru Farrugia.
“Bħala ministeru, qed inkomplu naħdmu biex inħeġġu u nappoġġaw aktar l-involviment ta’ kulħadd fil-komunità sabiex nibnu soċjetà aktar ġusta u inklużiva”, temmet tgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus irringrazzja lill-Gvern li permezz ta’ diversi ministeri u entitajiet qed jappoġġa din l-attività kemm finanzjarjament u anke loġistikament. Huwa qal li din l-attività għandha l-għan li tgħaqqad lir-Rabat sabiex f’dawn il-jumejn juri r-rikezzi li hu mogħni bihom u li jagħmlu differenti minn lokalitajiet oħra. Huwa temm jgħid li din l-attività tkompli tgħolli l-livell tal-prodott turistiku li din il-lokalità diġà toffri lil dawk li jżuruha, iżda anke tkompli tqajjem aktar għarfien mar-Rabtin u anke mal-Maltin dwar dak kollu li hu mogħni bih pajjiżna.
Is-Sibt 2 ta’ Novembru, l-attività se tibda mis-18:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem, filwaqt li l-Ħadd 3 ta’ Novembru l-attività ser tkun bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-18:00 ta’ filgħaxija. Se jkun ukoll ipprovdut servizz ta’ Park and Ride minn Triq l-Infetti.
Preżenti kien hemm ukoll il-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, kif ukoll id-Direttur fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Marisa Pisani.