Tuesday, December 24, 2024

Seba’ snin ħabs wara li seraq midalji tad-deheb mill-Mużew Marittimu

Aqra wkoll

Raġel li seraq żewġ midalji tad-deheb b’valur ta’ €400,000 mill-Mużew Marittimu tal-Birgu weħel seba’ snin ħabs, li sentejn minnhom kienu minħabba l-ksur tal-libertà proviżorja. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ordnat ukoll li jiġu kkonfiskati l-€20,000 li kienu tħallsu għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.

Justin Mallia ta’ 25 sena minn Bormla kien arrestat f’Marzu li għadda, sigħat wara li żewġ midalji rari ħafna tas-seklu 19 kienu rrapportati nieqsa mill-mużew. Huwa kien identifikat b’mod ċar minn filmati tas-CCTV.

Il-Pulizija qalet li Mallia kien irnexxielu jidħol fil-mużew wara li għamilha ta’ uffiċjal tal-edukazzjoni li jwassal dokumenti waqt li kien qed isir avveniment għat-tfal tal-iskola.

Is-suspettat ħalliel ġie intraċċat fi ftit sigħat u kien arrestat fir-residenza tiegħu. Huwa kien għaddielhom pouch li kien fih il-midalji misruqa. Meta mistoqsi għalfejn seraq dawn il-midalji, huwa qal lill-uffiċjali li għamel dan għaliex kellu xi djun pendenti.

Fid-19 ta’ Marzu, Mallia kien mixli b’serq aggravat, pussess illegali tal-midalji li kienu propjetà tal-gvern, kif ukoll li ffroda lill-Mużew Marittimu. Huwa ġie mixli wkoll li kiser tliet digrieti relatati mal-ħelsien mill-arrest tiegħi.

L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Qorti li l-midalji kienu sofrew “ħsara irreversibbli” minħabba li kienu tpoġġew ma’ oġġetti oħra fil-pouch. Mallia wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bl-Avukat tiegħu jgħid li l-imputat qatt ma basar li l-midalji kienu jiswew daqshekk.

Ekonomija

Sport