Thursday, April 18, 2024

Sejħa għad-demm ‘A positive’

Aqra wkoll

Fil-kalendarju annwali, il-Ħamis 5 ta’ Mejju, u l-Ħamis 12 ta’ Mejju huma l-Jiem Internazzjonali tal-Qwiebel u l-Infermieri rispettivament. Għal darba oħra s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jieħu l-opportunità biex jirringrazzja lil dawk kollha li jagħtu d-demm, inkluż il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. 

Għaldaqstant, għal dawn l-okkażjonijiet partikolari, is-Servizz jifraħ lill-qwiebel u lill-infermiera kollha, b’mod speċjali lil dawk li jikkontribwixxu biex jaġevolaw id-donazzjonijiet tad-demm, għax apparti li jkunu qed jipprovdu demm lill-pazjenti tagħhom stess, iservu wkoll bħala mudell mill-iktar eżemplari għall-oħrajn.  

Fid-dawl tal-ħtieġa kontinwa għad-demm, bħalissa l-iktar għad-demm tat-tip ‘A positive’, dawk li jixtiequ jimxu fuq l-eżempju ta’ dawn il-professjonisti għandhom iżuru wieħed minn dawn il-postijiet:

  • Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż il-Ħdud u l-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm. 
  • Il-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 15 ta’ Mejju ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien. Dakinhar il-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • Il-Berġa tax-Xewkija li nhar it-Tlieta  17 ta’ Mejju ser tkun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li: 

  • Dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan, inkella passaport Malti.
  • Dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina jew għal ħtiġijiet oħra, huma mitluba biex jistennew sal-waqt li joħroġ riżultat ‘COVID negative’.
  • Dawk li ġew ittestjati pożittivi għall-COVID ikunu jistgħu jagħtu d-demm ġimagħtejn minn wara l-aħħar test ‘COVID negative’.
Ekonomija

Sport