Saturday, May 18, 2024

Sejħa għal infermiera barranin biex jiġi kkontrollat l-influss f’Mater Dei

Il-Gvern qed jiggarantixxi li s-servizz tas-saħħa jibqa’ wieħed ta’ eċċellenza

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jiġri x’jiġri mis-sentenza li se tingħata daqt dwar il-kuntratt ma’ Steward, il-Gvern qed jiggarantixxi li s-servizz tas-saħħa se jibqa’ wieħed ta’ eċċellenza għal-lum u għall-ġejjieni. Ikkonferma dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Il-Ministru Fearne enfasizza li s-servizz tas-saħħa fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa se jibqa’ għaddej b’livell ta’ eċċellenza kif inhu. “Jiġri x’jiġri, tkun xi tkun is-sentenza tal-Ġimgħa, tkun xi tkun kwalunkwe sentenza jew kundizzjoni oħra fil-futur, se nkunu qed niggarantixxu li s-servizz tas-saħħa jibqa’ jingħata bl-aqwa mod mingħajr interruzzjoni ta’ xejn.”

Huwa kompla billi serraħ moħħ l-impjegati tal-isptarijiet li s-servizz tagħhom se jibqa’ jkun neċessarju. “L-ebda impjegat illi hemm f’dawn l-isptarijiet m’huma se jitilfu xogħolhom. Dak il-Gvern jista’ jassigurah.”

Il-Ministru Fearne temm jiggarantixxi li s-servizz tas-saħħa se jibqa’ għaddej u li l-impjiegi se jibqgħu hemm għax għandna bżonn dawn is-servizzi tant utli għall-pazjenti tagħna.

F’mistoqsija parlamentari oħra li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo Hagi, il-Ministru Fearne qal li bħalissa għaddej il-proċess biex jiżdiedu l-ammont ta’ infermiera fl-Isptar Mater Dei. 

“L-infermiera kollha Maltin li jiggradwaw mill-Università u mill-MCAST nimpjegawhom prattikament dakinhar li joħroġ ir-riżultat. Imma mhux Maltin biss. F’Malta għandna numru ta’ infermiera u tobba barranin, li dawn jagħtu servizz eċċellenti.” 

Kien hawn fejn ħabbar li se tinħareġ sejħa għal reklutaġġ ta’ infermiera barranin biex jiżdiedu mal-infermieri li diġà hemm fl-Isptar Mater Dei biex l-influss ta’ xogħol li hemm bħalissa jiġi kontrollat ukoll.

Sport