Sunday, December 22, 2024

Sena mindu neħħiet il-kanċer… “Il-ħajja tibqa’ sabiħa jekk tħares lejha bin-nuċċali tal-pożittività”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ħafna huma dawk in-nies li jgħidu li l-kuraġġ u l-pożittività huma nofs il-fejqan speċjalment meta sfortunatament ikun hemm aħbar kerha li għal dak il-mument jaf titfa lil dik il-persuna ġewwa sqaq mudlam.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Lorane Higgans Ancilleri, mara b’determinazzjoni kbira li ftit tal-jiem ilu fakkret li kellha l-ewwel anniversarju ta’ meta neħħiet il-kanċer. Għaliha, il-ħajja tibqa’ dejjem sabiħa jekk tħares lejha bin-nuċċali tal-pożittività. Fil-fatt, meta tħares lejn din l-aħħar sena, Lorane tistqar li kienet sena li fiha kompliet tapprezza iktar il-ħajja u tapprezza kull nifs.

Ma’ dan il-ġurnal hija xtaqet tgħid lil kull min qed jaqra dan l-artiklu, biex ma jitraskurawx is-saħħa iżda jsibu ħin għaliha. “Mhux insibu ħin għal kollox u saħħitna tiġi l-aħħar. Nagħmlu check-ups regolarment u jekk ikollok dik is-sensazzjoni li nafuha bħala l-gut feeling, jiġifieri jkollok sensazzjoni li jista’ jkun xi ħaġa mhix tajba, insisti int stess li jsirlek referral. Jien fil-każ tiegħi hekk ġara. Mort nagħmel check-up u t-tabiba qaltli li kollox sew u ma kellix għalfejn ninkwieta. Pero biex żgur inkun ċerta, ridt li tagħmilli referral għall-isptar,” qaltilna Lorane.

Mill-ultrasound u l-biopsy irriżulta li kellha ‘Invasive Ductal Carcinoma’, li huwa tip ta’ kanċer tas-sider. Il-kanċer kien għadu fi stadju bikri u għalhekk kien tassew importanti li tagħmel check ups b’mod regolari biex tilħqu kemm jista’ jkun mill-bidu.

Hija qalet: “Fil-fatt jien wara l-operazzjoni kelli bżonn biss raġġi għax ma kien infirex imkien għadu. Punt ieħor li xtaqt insemmi huwa li iktar ma żżomm ruħek b’mod san, l-irkupru se jkun iktar tajjeb. Jien peress li jiena persuna pożittiva ħafna, dik għenitni wkoll. Li tneħħi kanċer mhux ċajta iżda jien dejjem bqajt ngħix ġurnata b’ġurnata biex ma noqgħodx nimtela’ b’koċċ ħsibijiet u anzjetà.”

Hija żiedet tgħid li wara l-operazzjoni importanti li dak li jkun ma jintelaqx, għalkemm kien hemm ċertu affarijiet li għall-bidu ma setgħetx tagħmilhom. Lorane tgħallima l-importanza li tibqa’ attiva u determinata. Fil-fatt wara xi tliet ġimgħat mill-operazzjoni hija reġgħet bdiet tgħum u wara xahar regħet bdiet bir-rutina tal-ġiri.

“Trid tibqa’ temmen fik innifsek, anke meta jibdew jiġu xi ħsibijiet jekk hux se terġa’ tiġi kif kont qabel. Min għaddej minn xi ħaġa simili, l-iktar ħaġa li tgħin huwa li tgħix ġurnata b’ġurnata kemm jista’ jkun għax inkella titkisser ukoll mentalment. Għamlu kuraġġ u ppruvaw apprezzaw kull ġurnata anke jekk ikun perjodu ta’ dlam f’ħajjitkom,” qalet Lorane.

Filwaqt li qaltilna li issa hija tibqa’ tmur għall-follow ups, appellat lil dawk kollha li  jibgħatu għalihom biex jagħmlu l-mammogram meta jilħqu ċertu età, mhux ma jmorrux għax jibżgħu anzi jmorri ħalli jkunu jistgħu jserrħu moħħhom u f’każ li jkun hemm xi ħaġa, ikunu jistgħu jilħquha mill-bidu.

Apparti mill-pożittività ta’ Lorane, li hija xi ħaġa li tiġi apprezzata minn bosta persuni, hija tgħin ħafna nies b’mod volontarju. Qaltilna li dik il-ħaġa tgħin biex tibqa’ tħossok tajjeb u meta wieħed jgħin lil ħaddieħor, dak li jkun jirrealizza li fih hemm valur, minkejja li forsi xi drabi dak li jkun iħossu se jaqta’ qalbu jew li mhux kapaċi. Dan għaliex, meta tgħin u tkun ta’ ġid għall-oħrajn, dik il-ħaġa fiha nfisha tagħtik is-saħħa anke biex tkompli taqdef il-quddiem fil-ħajja.

Ekonomija

Sport