Saturday, December 21, 2024

Sena ta’ progress bl-equal pay tool tal-NCPE… għal pagi indaqs. bejn in-nisa u l-irġiel

… Prattiċi ta’ pagi ġusti fejn isir l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali

Aqra wkoll

“Disgħa minn kull għaxar ċittadini Ewropej, kemm nisa kif ukoll irġiel, jaħsbu li mhuwiex aċċettabbli li n-nisa jitħallsu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Il-maġġoranza tal-ħaddiema Ewropej huma favur il-pubblikazzjoni tal-pagi medji skont il-ġeneru u t-tip ta’ impjieg fil-kumpanija tagħhom.”Dawn is-sentimenti jenfasizzaw l-importanza tal-Equal Pay Tool tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), varata f’Novembru tal-2023 biex tippromwovi prattiċi ta’ rimunerazzjoni ġusti f’Malta. 

L-Equal Pay Tool tal-NCPE hija parti miċ-Ċertifikazzjoni tal-Marka tal-Ugwaljanza tal-NCPE u tgħin lill-organizzazzjonijiet b’50 impjegat jew aktar jindirizzaw id-differenzi fil-pagi billi jqabblu s-salarji mal-kwalifiki, l-esperjenza u r-responsabbiltajiet. 

Matul din l-ewwel sena tliet kumpaniji diġà ngħataw iċ-Ċertifikazzjoni tal-Paga Ugwali, b’diversi oħrajn juru interess. Lil dawk il-kumpaniji b’riskju baxx ta’ nuqqas ta’ konformità, l-NCPE tagħtihom iċ-Ċertifikazzjoni tal-Paga Ugwali, valida għal tliet snin, biex tibgħat messaġġ lill-impjegati, lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku ġenerali dwar id-dedikazzjoni tagħhom lejn prattiċi ta’ pagi ġusti. Kumpaniji b’riskji ta’ nuqqas ta’ konformità medji għal għoljin jirċievu assistenza kunfidenzjali biex jinvestigaw l-istrutturi tal-pagi, jindirizzaw id-differenzi potenzjali u jsaħħu l-ugwaljanza.

Miżuri kruċjali

Dawn il-miżuri huma kruċjali speċjalment għall-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri f’Malta li fl-2022, kienet ta’ 10.2% (il-medja tal-UE: 12.7%). F’Malta, din id-differenza fil-pagi kienet ogħla f’ċerti setturi bħalma huma l-manifattura (24.8%), l-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni (24.1%) u l-attivitajiet tas-suq tal-propjetà (23.0%). Minbarra l-paga inugwali fatturi oħra jikkontribwixxu għal din id-differenza, inklużi s-segregazzjoni tal-ġeneru fil-impjiegi, inqas nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali u l-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

L-infurzar tal-prinċipju tal-pagi ugwali bejn in-nisa u l-irġiel huwa stabbilit fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha billi jipprovdu trasparenza u infurzar effettiv kif ukoll itejbu l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-pagi. 

L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi huwa prijorità għall-Unjoni Ewropea (UE) li f’Ottubru tal-2022 adottat ukoll id-Direttiva dwar il-Pagi Minimi Adegwati li għandha tiġi inkluża fil-liġi nazzjonali fil-15 ta’ Novembru 2024. Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura livelli ta’ għixien deċenti madwar l-Ewropa, tgħin lin-nisa, li b’mod sproporzjonat jaqilgħu pagi minimi, joħorġu mill-faqar u tnaqqas id-differenza fil-pagi.

Pjan mill-KE għad-drittijiet tan-nisa

Kif ħabbret il-President tal-Kummissjoni Ewropea (KE), Ursula von der Leyen, is-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa li jistabbilixxi viżjoni fit-tul għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dan jaqbel mal-impenn tal-UE li tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha filwaqt li ssaħħaħ l-ugwaljanza bħala prinċipju gwida.

Filwaqt li l-UE tfakkar il-Jum Ewropew għall-Pagi Ndaqs, l-NCPE tiċċelebra s-suċċess u l-progress tal-Equal Pay Tool, inizjattiva li għandha l-għan li tindirizza l-paga inugwali u tippromwovi rimunerazzjoni ġusta. Il-paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali tinkludi mhux biss każijiet fejn irġiel u nisa jagħmlu l-istess jew xogħol simili, iżda wkoll fejn jagħmlu xogħol differenti. Meta l-irġiel u n-nisa jwettqu xogħol li huwa differenti fil-kontenut, li jinvolvi responsabbiltajiet differenti, li jirrikjedi ħiliet jew kwalifiki differenti u jitwettaq taħt kundizzjonijiet differenti – iżda b’mod ġenerali huwa ta’ valur ugwali – dawn għandhom jirċievu paga ugwali.

L-NCPE tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet biex jieħdu passi proattivi biex jindirizzaw il-pagi inugwali billi jużaw l-Equal Pay Tool tal-NCPE biex jivverifikaw il-konformità mal-prinċipji ta’ pagi ġusti. B’hekk ikunu konformi mad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol fejn il-pagi ugwali ma jkunux biss ideal iżda realtà għall-impjegati kollha.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Equal Pay Tool tal-NCPE u kif tapplika żur il-website: ncpe.gov.mt jew ikkuntattja lill-NCPE fuq 2276 8200 jew [email protected] 

Ekonomija

Sport