Saturday, December 21, 2024

SENTEJN TA’ DEĊIŻJONIJIET

Aqra wkoll

Sentejn ilu Robert Abela ntgħażel mill-membri u d-delegati tal-Partit Laburista biex ikun il-Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru ta’ Malta. Sentejn ilu beda vjaġġ ta’ mexxej li filwaqt li ggarantixxa kontinwità beda pass, pass jimplimenta tibdiliet u riformi importanti biex tinħema l-Malta tal-lum u ta’ għada. Sentejn ilu beda proċess ta’ deċiżjonijiet importanti kemm fuq livell ta’ partit kif ukoll ta’ pajjiż.

Warren Bennis darba stqarr; “mexxej tajjeb huwa dak li għandu l-kapaċità li jsarraf viżjoni f’realtà.” Dak huma l-fattur prinċipali li jikkaraterizza dawn is-sentejn ta’ Robert Abela. Kellu viżjoni xprunata mill-prinċipju ta’ pajjiż ġust f’kollox – fil-ġustizzja, fl-ekonomija, fl-ambjent, fis-soċjal li pass, pass beda jimplimenta. Dan sar billi kien deċiżiv, riformist, u ma beżax ibiddel. Dan sar minkejja dawn is-sentejn kienu ikkaratterizzati minn żminijiet straordinarji u bla preċedent. Minkejja dan Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela mhux talli indirizza dawn l-isfidi b’mod kuraġġuż, talli kiseb suċċessi kbar u anke kompla jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Waqt li l-Prim Ministru stqarr li kien ta’ privilegg li jservi lil poplu ghal dawn is-sentejn, daqstant jien inhoss li kien ta privilegg ghalija li nahdem mieghu bhala kandidat ghal gid u l-prosperita ghal Malta ta’ ghada u pitghada.

Dan sar billi Robert Abela ħa d-deċiżjonijiet diffiċli, deċiżjonijiet li ma setax lanqas jieħodhom tard. Ħoloq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija u nieda l-akbar għajnuna li salvat eluf ta’ impjiegi, il-Covid Wage Supplement. Sabiex ikompli jindirizza l-isfidi, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika b’investiment ta’ disa’ mitt miljun ewro, li nkluda l-ewwel rawnd tal-vouchers tal-mitt ewro, li taw injezzjoni ekonomika lin-negozji. Dan wassal biex filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna qed jiffaċjaw sfidi kbar ekonomiċi u soċjali, il-gvern waqt il-pandemija ħoloq 12,000 impjieg aktar mill-2019. 

Waqt dan iż-żmien ta’ sfidi kbar, Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Dr Abela għamel diversi riformi u li bihom reħa l-poter minn idu. Fost dawn hemm dawk kif ikunu maħtura l-President ta’ Malta, il-Ġudikatura u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dawn ir-riformi kienu mfaħħra minn diversi istituzzjonijiet, fosthom il-Kummissjoni Ewropea, tant li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen semmiet lil Malta bħala eżempju fis-saltna tad-dritt. 

Robert Abela ma ddejjaqx lanqas jiddeċiedi quddiem ir-realtajiet tan-nies. Hekk għamel fuq il-liġi tad-divorzju li aġġornaha mar-realtajiet soċjali u daħħal ukoll liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis li ma tikkastigax realtajiet fis-soċjetà. Fuq nett tal-aġenda tal-Gvern ta’ Robert Abela, l-ambjent. 

Kienu sentejn ikkaraterizzati bl-ambjent bħala prijorità fuq l-aġenda tal-gvern. Żdiedu l-ispazji miftuħa, bħal dak ta’ Wied Fulija u l-proġett tal-park nazzjonali ta’ Ta’ Qali u quddiem il-fenomenu tat-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru wassal messaġġ b’saħħtu fis-Summit dinji tal-COP26 fi Glasgow. Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, Malta kisbet l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej fl-istorja. Wara negozji fit-tul, fis-sajf tal-2020, sena wara l-President tal-Kummissjoni Ewropea sejħet il-Pjan ta’ Rkupru mressaq minn Malta bħala l-aktar pjan favur l-ambjent. 

Kienu sentejn ikkaraterizzati wkoll mit-tema tal-immigrazzjoni, l-Ewropa sabet Prim Ministru sod li jispjega l-argumenti ta’ Malta favur is-solidarjetà u li l-istati membri jaqsmu l-piż tal-kwistjoni ma’ Malta. Malta għamlet is-sehem tagħha u aktar. Salvat in-nies iżda għarfet ukoll li min ma ħaqqux ażil, jiġi ripatrijat. Immigranti oħrajn ġew rilokati u komplew bil-proċess għall-ażil fi stat membru ieħor filwaqt li b’ħidma anki mill-qrib mal-Libja, il-wasliet tal-immigranti naqsu.

Fuq kollox, kienu sentejn ikkaraterizzati b’enfasi fuq l-aspett socjali. Ruħ soċjali li filwaqt li  taspira li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. Ruħ soċjali li tħares lejn l-interessi tal-familji u l-ħaddiema, kif ukoll lejn l-interessi tal-minoranza, l-anzjani u l-pensjonanti. Ruħ soċjali riflessa fi skemi bħal “in-New Hope Guarantee” u t-titjib fis-sistema tal-penzjonijiet. Ruħ soċjali riflessa wkoll fil-Budget 2022 li kif sew deskritt mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union huwa wieħed soċjalment kuraġġjuż li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta’ budgets imgħoddija.

Dan huwa l-legam ta’ Robert Abela tul dawn is-sentejn. Dan huwa l-Gvern Laburista tal-lum u ta’ għada. Dan huwa l-mexxej li irrid mimxi l-vjaġġ politiku tiegħi miegħu.

Ray Abela – Kandidat Partit Laburista 1 u 3 Distrett

Ekonomija

Sport