Halil Tantas, Tork ta’ 32 sena ġie kkundannat sentejn u nofs ħabs wara li ammetta li ta daqqa ta’ tazza lil kollega tiegħu waqt li kienu fuq il-post tax-xogħol.
Hu kien akkużat li fit-30 ta’ Lulju li għadda meta kienu fi stabbiliment kummerċjali fiż-Żejtun ikkaġuna ġrieħi gravi lill-kollega tiegħu u anke beżżgħu.
Hekk kif tressaq il-Qorti, it-Tork ammetta mill-ewwel l-akkużi bil-prosekuzzjoni u d-difiża jaqblu ma’ piena ta’ sentejn u nofs ħabs. Il-Maġistrat Joseph Gatt laqa’ l-ftehim u ta s-sentenza tiegħu skont kif miftihem.
Il-Qorti ħareġ ordni ta’ trażżin għal sentejn biex jipproteġi lill-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Valentina Cassar u Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi James Mallia u Wayne Bonello.